Euro2020
UEFA EURO 2020 – Ħarsa lejn Grupp F

FRANZA

L-istennija għall-EURO 2020 fi Franza hija waħda kbira. Apparti li għandhom tim mimli talent, l-inklużjoni ta’ Karim Benzema fl-attakk jidher li tat aktar tama lill-Franċiżi li jistgħu jirbħu din l-edizzjoni.

Huwa fatt magħruf li l-Franċiżi jibdew bl-iskossi f’kompetizzjonijiet simili, imma did-darba ma tantx għandhom fejn jimmanuvraw. Il-Franċiżi jridu joqgħodu attenti mit-telf tal-punti, għaliex il-Portugall u l-Ġermanja ser ikunu lesti biex japprofittaw mill-iżbalji tal-avversarji. Jekk Les Blues jitilfu l-ewwel logħba tagħhom, allura l-pressjoni ser tkun kbira biex bilfors jirbħu t-tnejn ta’ wara.

Meta Franza rebħet it-Tazza tad-Dinja fl-2018, fl-ewwel logħba tal-grupp kellha titħabat biex tirbaħ lill-Awstralja u fl-EURO 2016 bit-tqanżiħ rebħet lir-Rumanija fl-ewwel logħba.

Il-kowċ Didier Deschamps jaf x’jiġifieri s-suċċess. Hu nniffsu rebaħ l-EURO 2000 u sentejn qabel it-Tazza tad-Dinja f’pajjiżu stess. Imbagħad bħala kowċ wassal lil Franza tirbaħ l-edizzjoni tal-2018.

Għalkemm Franza m’għandhiex problema fl-attakk, anzi Deschamps għandu uġigħ ta’ ras lil min mill-attakkanti jħalli barra, mhux l-istess jista’ jingħad fuq id-difiża li hija xi ftit batuta.

IL-PORTUGALL

Il-Portugiżi ser jiddefendu t-titlu li kienu rebħu ħames snin ilu. Dan kien l-ewwel trofew maġġuri li l-Portugall rebaħ fl-istorja tiegħu, u jidher li hemm possibbilità kbira li jżommuh. It-tim mgħajjat huwa ta’ livell aktar għoli minn dak ta’ ħames snin ilu, u issa qed jemmnu li jistgħu jagħmluha.

Interessanti kif fl-EURO 2016, il-Portugiżi rebħu biss logħba waħda f’90 minuta.

Din id-darba għandhom għadma iebsa biex jgħaddu mill-grupp. Ħafna qed iqisu li l-isfida prinċipali ser tkun bejnhom, Franza u l-Ġermanja, fi grupp li qed jitqies ‘tal-mewt’.

Il-Portugall jidher b’saħħtu f’kull settur, bejn il-lasti, fid-difiża, f’nofs il-grawnd u anke fl-attakk. Il-kowċ Fernando Santos għandu għażla kbira minn fejn jagħżel, u l-uġigħ ta’ ras tiegħu ser tkun li jagħmel l-għażliet tajbin.

IL-ĠERMANJA

Mhijiex normali li l-Ġermanja ma tkunx fost il-favoriti f’kompetizzjonijiet simili. Imma din id-darba l-Ġermaniżi mhux jitqiesu bħala qawwa minħabba li għaddejjin minn żmien ta’ tranżizzjoni. Il-fatt li ħadd mhu jistenna xejn mill-Ġermanja, jista’ jkun li jaħdem favur il-plejers żgħażagħ mgħajta mill-kowċ Joachim Loew.

Il-Ġermanja rebħet il-Kampjonati Ewropej tliet darbiet, u t-Tazza tad-Dinja erba’ darbiet, u fl-aħħar tliet edizzjonijiet tal-EURO, irnexxilhom jaslu sas-semifinali dejjem.

Il-wirjiet fit-Tazza tad-Dinja tliet snin ilu u fin-Nations League sentejn ilu kienu biżżejjed biex wieħed jifhem li t-tim Ġermaniż m’għadux dak ta’ dari.

Joachim Loew ipprova jagħmel il-bidliet neċessarji wara t-Tazza tad-Dinja 2018, imma d-deċiżjoni li jħalli ċertu plejers t’esperjenza barra, swietu qares fl-edizzjoni tan-Nations League.

Dan ser ikun l-aħħar turnew ta’ Joachim Loew fit-tmexxija tal-Ġermanja, u wara 15-il sena żgur li hemm bżonn ta’ demm ġdid, li ser ikun introdott bil-kowċ Hansi Flick li ser jieħu lit-tim f’idejh wara li tintemm l-edizzjoni li ġejja.

Il-Ġermanja tibda l-impenji tagħha kontra Franza fil-15 ta’ Ġunju f’Munich, qabel ma’ taffaċċja liċ-champions renjanti l-Portugall u l-aħħar logħba tista’ titqies faċli kontra l-Ungerija.

L-UNGERIJA

Il-fatt li waslu s’hawn diġà huwa biżżejjed għall-Ungeriżi. Jafu li jinsabu fi grupp diffiċli ħafna. Imma dan mhux jaqtgħalhom qalbhom, għax jafu li jekk jirnexxilhom jiksbu riżultat favorevoli fl-ewwel logħba, allura ser joħolqu kommossjoni fil-grupp kollu.

L-Ungerija kienet ilha ma tikkompeti f’turnew internazzjonali tletin sena, mument iswed fl-istorja tal-futbol Ungeriż wara li kienu spiċċaw it-tielet fit-Tazza tad-Dinja tal-1986.

Il-kowċ Taljan Marco Rossi għajjat sittax-il plejer ġdid fl-iskwadra, u jidher li bena reputazzjoni li jieħu l-aħjar deċiżjonijiet waqt il-logħob.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA