Euro2020
UEFA EURO 2020 – Illejla, Turkija – Italja fid-21:00 fl-Istadio Olimpico, tintwera diretta fuq TVM2

L-ewwel konfront tal-EURO 2020 jintlagħab illejla bejn it-Turkija u l-Italja fl-Olimpico ta’ Ruma.

Ġurnata qabel il-logħba, il-kowċ Tork Senol Gunes qal li l-Kampjonati Ewropej kienu importanti mhux biss għall-pajjiżi, imma għall-plejers u l-kowċis li jmexxuhom. Gunes qed jerġa’ jmexxi lit-tim nazzjonali Tork wara li fl-2002, 19-il sena ilu, kien wassal lit-Turkija sat-tielet post fit-Tazza tad-Dinja ta’ dik is-sena.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk il-fatt li għandu xi plejers jilagħbu fis-Serie A huwiex ta’ vantaġġ, Gunes qal li dan ma jagħmilx differenza f’dan il-livell. Hu qed jittama li t-tim ikun kumpatt kontra l-qawwa tat-tim nazzjonali Taljan, u jilagħbu b’mod kollettiv.

Senol Gunes qal li mir-riżultati tat-tim Taljan, wieħed jista’ jinnota kemm għaddejjin minn mument tajjeb, u anke jekk għamlu xi bidliet fl-iskwadra, xorta baqgħu b’saħħithom ħafna.

Il-kowċ Taljan Roberto Mancini qal li jittama li l-plejers jipprovud spettaklu fil-logħba inawgurali, u dan sabiex għallinqas l-Azzurri jaslu sas-semifinali tal-kompetizzjoni.

It-tim nazzjonali Taljan dieħel għal din l-edizzjoni wara 27 logħba mingħajr telfa, u għaldaqstant ħafna qed jgħidu li l-Italja għandha ċ-ċans tirbaħ dawn il-Kampjonati Ewropej.

Mancini qal li jrid lill-partitarji Taljani jitbissmu, u jieħdu gost bil-logħob tat-tim. Qal li jifhem li l-partitarji qed jistennew bil-ħerqa li jaraw lit-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom jilgħab f’dan il-livell wara li fl-2018 it-Taljani naqsu milli jikkompetu fl-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja.

Roberto Mancini qal li l-istess kunfidenza li kellu tliet snin ilu meta ħa f’idejh lit-tim nazzjonali, għadha miegħu s’issa. Qal li dawn it-tliet snin kienu ta’ preparazzjoni kbira biex l-Italja tilgħab fil-Kampjonati Ewropej u sostna li għandu quddiemu tim b’saħħtu.

Il-captain Giorgio Chiellini qal li hu kien wieħed mill-plejers li f’Novembru tal-2017 sofra l-umiljazzjoni tat-telfa fil-play-offs għat-Tazza tad-Dinja. Qal li dik it-telfa baqa’ jħossha imma issa huwa l-mument li l-Italja turi l-qawwa tagħha fil-futbol.

Skoss fil-preparazzjonijiet għal Roberto Mancini meta lbieraħ, il-midfielder ta’ Roma Lorenzo Pellegrini kellu jħalli lit-tim minħabba li weġġa’.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA