Euro2020
UEFA Euro 2020 Kwartifinali: Id-Danimarka t-tielet tim fis-semifinali

UEFA Euro 2020

Kwartifinali

F’Baku: Repubblika Ċeka Danimarka 1-2 

Id-Danimarka kisbu post fis-semifinali tal-Euro 2020 dan wara li huma għelbu lir-Repubblika Ċeka bl-iskor ta’ 2-1 biex issa jistennew l-konfront tal-lejla bejn l-Ukrajna u l-Ingilterra sabiex ikunu jafu l-avversarji tagħhom.

Id-Danimarka ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva fejn wara biss ħames minuti huma fetħu l-iskor. Kien corner ta’ Larrson li sab lil Thomas Delaney fejn dan għola tajjeb bir-ras u minn nofs il-kaxxa sab ix-xibka. Biex fit-13 il-minuta xutt ta’ Damsgaard kien salvat mill-gowlkeeper Vaclik. Fis-17 il-minuta fuq cross ta’ Larrson kien Delaney li kkonkluda ftit barra. U fit-22 minuta waslet l-ewwel azzjoni tar-Repubblika Ċeka iżda Schmeichel salva fuq Holes. Għaxar minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Holes reġa ttanta xutt mid-distanza iżda l-gowlkeeper Daniż salva. Fuq in-naħa l-oħra xutt ta’ Damsgaard salva Vaclik. Id-Danimarka rduppjaw fit-42 minuta. Cross minn fuq ix-xelluġ ta’ Maehle fejn daħal tajjeb għall-ballun Kasper Dolberg li spara fis-saqaf tax-xibka.

Ir-Repubblika Ċeka bdew it-tieni taqsima fuq l-offensiva hekk kif wara biss żewġ minuti xutt ta’ Antonin Barak ġie mdawwar f’corner minn Kasper Schmeichel. U minuta biss wara huma naqsu d-distakk meta kien is-solitu Patrik Schick li sab ix-xibka fuq cross ta’ Vladimir Coufal. Risposta tad-Danimarka fid-69 minuta b’xutt ta’ Yussuf Poulsen li iżdaTomas Vaclik salva b’faċilita. Tnax il-minuta mit-tmiem Poulsen ġiegħel lill-gowlkeeper Ċek idawwar ix-xutt tiegħu f’corner. U fit-82 minuta Maehle seta’ għalaq il-partita iżda Vaclik salva mill-ġdid.

Riżultat finali: Repubblika Ċeka 1 Danimarka 2

5′ Thomas Delaney 0-1

42′ Kasper Dolberg 0-2

49′ Patrik Schick 1-2

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.