Euro2020
UEFA Euro 2020 Kwartifinali: L-Ingliżi konvinċenti b’rebħa kbira fuq l-Ukrajna

UEFA Euro 2020

Kwartifinali

f’Ruma: Ukrajna – Ingilterra 0-4 

Kif kien mistenni l-Ingilterra kisbu post fis-semi finali tal-Euro 2020 wara li fi Stadio Olimpico f’Ruma kisbu rebħa konvinċenti kontra l-Ukrajna bl-iskor ta’ 4-0.Fis-semifinali l-Ingilterra issa jiltaqgħu kontra d-Danimarka nhar il-Erbgħa li ġejjin f’Wembley Stadium.

L-Ingliżi kellhom bidu eċċellenti għal din il-partita hekk kif wara biss erba’ minuti huma marru fil-vantaġġ. Kien Raheem Sterling li b’pass preċiż żmarka lil Harry Kane fil-kaxxa u l-attakkant Ingliż ma’ falliex minn quddiem il-gowlkeeper avversarju. Ir-risposta tal-Ukreni waslet fis-sbatax il-minuta b’xutt ta’ Roman Yaremchuk li Pickford dawwar f’corner. Fit-33 minuta xutt mid-distanza ta’ Declan Rice salva l-gowlkeeper Ukren Buschan.

U jekk fl-ewwel taqsima l-Ingliżi kellhom bidu tajjeb, l-istess ġara fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta. Żewġ minuti fit-tieni taqsima huma rduppjaw l-iskor. Free kick ta’ Luke Shaw għola b’mod perfett Harry Maguire li b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Buschan. U fil-50 minuta jasal it-tielet gowl meta għal darb’oħra kien Luke Shaw li bi cross minn mal-linja sab lil Harry Kane li bir-ras skorja t-tieni gowl personali tal-partita u t-tielet tiegħu f’dawn il-Kampjonati.

Fit-62 minuta Kane viċin il-hat trick meta x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa ġie mdawwar f’corner mill-gowlkeeper Ukren. Mill-istess corner mogħti minn Mount kien Jordan Henderson li bir-ras għamilhom 4-0.

L-aktar li resqu viċin l-Ukrajna kien fl-74 minuta b’xutt ta’ Makarenko li Pickford imblokka.

Riżultat finali: Ukrajna 0 Ingilterra 4

4′ Harry Kane 0-1

47′ Harry Maguire 0-2

50′ Harry Kane 0-3

63′ Jordan Henderson

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.