Futbol internazzjonali
UEFA Euro 2020: Malta bit-tielet telfa fil-grupp wara wirja diżappuntanti kontra r-Rumanija

KWALIFIKAZZJONI UEFA EURO 2020

MALTA………0

Rumanija…..4

Telfa diżappuntanti għal Malta kontra r-Rumanija fi Grupp F meta f’Ta’ Qali tlifna t-tielet telfa fil-grupp bl-iskor ta’ 4-0. Minbarra d-diżappunt tat-telfa kien hemm anke d-diżappunt kbir tal-prestazzjoni, għax għalkemm kien hemm mumenti fejn il-Maltin dehru li setgħu joħolqu xi ħaġa, dawn għaddew bħal leħħa ta’ berqa. Foqra fil-prestazzjoni, foqra fl-ideat u foqra f’diversi dipartimenti tal-grawnd, l-għejja fil-plejers Maltin bdiet tidher sa mill-ewwel taqsima, tant li sal-mistrieħ konna diġa’ 3-0 minn taħt u fl-aħħar sekondi sofrejna gowl ieħor.

Mas-7 minuta, fl-ewwel azzjoni perikoluża, ir-Rumeni fetħu l-iskor. Kien kontrattakk veloċi, mil-lemin Bancu tefa’ cross baxx, George Puşcaş prattikament laqat il-ballun ħażin imma spiċċa fix-xikba għal 1-0. Mas-16-il minuta r-Rumeni għal ftit ma rduppjawx. Kien żball ieħor fid-difiża Maltija, Puşcaş approfitta u wara li saħansitra qabeż lil Bonello prova jikkonkludi imma l-ballun ħabat ma’ sieq il-lasta u l-azzjoni sfumat fix-xejn. Reazzjoni mill-Maltin fid-19-il minuta meta qabdu lir-Rumeni fuq sieq waħda, Rowen Muscat baqa’ javvanza biss il-konklużjoni tiegħu kienet wisq ċentrali u pjuttost fjakka, bil-goalkeeper avversarju ma jkollux problema jsalva. Mad-29 minuta r-Rumanija għamluhom 2-0. Kien Keşerü li bil-pass tiegħu ġab lil George Puşcaş waħdu li minn quddiem Bonello tefa’ ballun angolat li ħabat mal-wieqfa u daħal fix-xibka. Ir-Rumanija żiedu ieħor fl-34 minuta, din id-darba permezz ta’ Alexandru Chipciu, li rċieva l-ballun u wara li kkontrolla venven xutt mid-distanza li għeleb għal kollox lil Bonello għal 3-0. Effiong prova jwettaq xi tip ta’ reazzjoni mat-38 minuta meta minn qagħda angolata kkonluda imma l-ballun għadda ċentimetri ‘l barra mill-wieqfa.

Fit-58 minuta r-Rumanija kellhom freekick li minn qagħda angolata inkariga ruħu minnu Keşerü, iżda Bonello kien pront itajjar. Fis-66 minuta kellu jkun save ta’ Bonello li tajjar fuq ix-xutt ta’ Maxim biex biegħed il-periklu. Żewġ minuti wara l-goalkeeper Malti reġa’ kellu jkun fl-aħjar tiegħu meta ħareġ itajjar fuq Man, u mill-istess azzjoni Marin ra l-konklużjoni tiegħu tmelles il-mimduda u l-ballun baqa’ sejjer barra. Fit-80 minuta r-Rumeni spiċċaw jilagħbu b’għaxra meta Chipciu dabbar it-tieni karta safra u r-referee Higler bagħtu fid-dressing room qabel sħabu. Fl-84 minuta l-Maltin resqu l-aktar viċin tal-lasta matul il-logħba kollha, meta Mifsud irċieva l-ballun wara indeċiżjoni fil-kaxxa avversarja, biss ix-xutt finali tiegħu deher jaħbat max-xibka minn barra. Mal-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari r-Rumanija għamluhom erbgħa, meta f’kontrattakk Dennis Man baqa’ jippersisti u minn ġol-kaxxa żerżaq il-ballun wara Bonelli għal 4-0.

Riżultat finali: MALTA 0  Rumanija 4

Referee: Dennis Higler (mill-Olanda)

MALTA: Henry Bonello (GK), Steve Borg, Andrei Agius (c), Joseph Mbong, Paul Fenech (Jake Grech 58’), Rowen Muscat, Juan Corbalan (Luke Montebello 83’), Alfred Effiong, Joseph Zerafa, Luke Gambin (Michael Mifsud 67’), Zach Muscat

Rumanija: Ciprian Tătăruşanu (GK), Iulian Cristea, Ionuţ Nedelcearu (Cristian Săpunaru 35’), Tudor Băluţă, Alexandru Chipciu, Ianis Hagi, George Puşcaş, Nicusor Bancu, Claudiu Keşerü (Dennis Man 65’), Răzvan Marin, Alexandru Maxim (Dorin Rotariu 74’)

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Wara t-telfa kerha tat-Tlieta li għadda ta’ Real Madrid fi Franza kontra Paris St Germain bi skor ta’ 3-0, teżisti possibbiltà kbira li ġganti Spanjoli jneħħu lill-kowċ tagħhom Zinedine Zidane….

Futbol internazzjonali

L-ex plejer professjonali Olandiż Kelvin Maynard inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar meta żewġ persuni fuq mutur għaddew minn mal-karozza tiegħu sparaw tiri li laqtuh u ħallewh tal-post. Maynard hu ex…

Futbol internazzjonali

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino għal darb’oħra reġa’ ħeġġeġ lill-Iran sabiex in-nisa jitħallew jidħol fl-istadiums sabiex isegwu l-futbol. Dan l-appell mingħand Infantino wasal ftit tal-jiem qabel mal-Iran jilqgħu f’darhom lill-Cambodia, u…

Futbol internazzjonali

UEFA EUROPA LEAGUE 2019/20 MATCH DAY 1 – Il-Logħbiet tad-9pm Grupp G FC Porto 2 – 1 Young Boys Rangers – 1 – 0 Feyenoord Grupp H RCD Espanyol 1…

Aktar