Euro2020
UEFA EURO 2020 – Monument tal-poeta Ukren ivvandalizzat f’Copenhagen

Il-pulizja Daniża qed tinvestiga atti vandali li seħħew fuq il-monument tal-poeta Ukren Taras Shevchenko li jinsab f’Copenhagen. Jidher li l-atti vandali seħħew qabel il-logħba ta’ nhar it-Tnejn li għadda bejn id-Danimarka u r-Russja li ntlagħbet fil-Parken Stadium ta’ Copenhagen.

It-Tnejn li għadda l-Ambaxxata Ukrena fid-Danimarka tefgħet ritratt fuq Facebook, li juri l-monument b’żebgħa fuqu li tirrappreżenta l-bandiera Russa.

L-Ambaxxata Ukrena kkundannat bil-qawwa kollha dan l-aġir ta’ provokazzjoni mir-Russi, u qalet li dan kollu jikkonferma dak li għaddej bejn iż-żewġ pajjiżi.

Jidher li l-pulizija u l-awtoritajiet ta’ Copenhagen kien mgħarrfa bl-att vandalu t-Tnejn waranofsinhar, u f’temp ta’ siegħa kienu naddfu l-monument miż-żebgħa. Dan il-monument jirrappreżenta poeta Ukren tas-seklu dsatax, li huwa kkunsidrat bħala l-fundatur tal-Ukrajna moderna fil-litteratura u l-lingwa. Taras Shevchenko kien arrestat minħabba li kien jippromwovi l-indipendenza tal-Ukrajna mill-Imperu Russu.

Skont il-pulizija Daniża, kienu ftit mijiet ta’ partitarji Russi li għamlu l-vjaġġ lejn id-Danimarka, imma jidher li rnexxielhom iwettqu dan l-att vandalu qabel bdiet il-logħba.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA