Euro2020
UEFA Euro 2020: L-Olanda tirbaħ b’mod drammatiku

L-Olanda rebħu konfront ferm drammatiku meta fil-Johan Cruijff Arena huma għelbu lill-Ukrajna bl-iskor ta’ 3-2.

Wara nuqqas ta’ snin neqsin mill-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet maġġuri, l-Olandiżi rritornaw f’dan EURO 2020 proprju f’darhom fil-Johan Cruijff Arena. L-avversarji tagħhom kienu l-Ukreni mmexxija minn Andriy Schevchenko li għandu skwadra mimlija talent.

L-ewwel taqsima kienet waħda ferm movimentata bl-aqwa ċans jaqa’ għand l-Olandiż Georginio Wijnaldum li fid-39 minuta ra x-xutt tiegħu milqugħ tajjeb ferm mill-keeper Ukren George Buschan.

Minuta wara, kien Denzel Dumfries li tilef ċans tad-deheb fejn wara kross mix-xellug, bir-ras xeħet il-ballun inkredibbilment barra.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq fi dro ta’ 0-0.

L-Olanda fetħu bil-kbir it-tieni taqsima u marru minn fuq fit-52 minuta meta kien kross tajjeb ta’ Dumfries, bil-gowlkiper Ukren Buschan jilqa’ iżda ma jżommx sabiex mingħajr ma ried ta l-ballun fuq platt lil Georginio Wijnaldum li rringrazzja  u b’xutt tajjeb spara l-ballun fix-xibka.

L-Ukrajna dehru mifxula u dlonk qalgħu t-tieni wieħed meta kien hemm żball difensiv sabiex kien Denzel Dumfries li xxuttja bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-leminija ta’ Wout Weghorst għal ġewwa. Minkejja li r-referi ċċekkja mal-VAR fuq allegat offside, il-gowl ingħata ftit tas-sekondi wara.

Fil-75 minuta, l-Ukrajna reġgħu daħlu fil-partita hekk kif Andriy Yarmolenko ħa ballun tajjeb u b’xutt mill-isbaħ u mdawwar minn barra l-kaxxa għeleb għalkollox lill-gowlkiper Olandiż.

U issa kienu l-Olandiżi li dehru konfużi bl-Ukreni li approfittaw tant li żewġ minuti wara ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Roman Yaremchuk wara kross tajjeb ta’ Malinovsky.

Il-kowċ Olandiż Frank de Boer ħeġġeġ lill-plejers tiegħu jibqgħu jemmnu fir-riżultat b’dawn tal-aħħar jaqtgħulu xewqtu meta fil-85 minuta huma reġgħu marru fil-vantaġġ. Kien kross tajjeb ta’ Nathan Ake li sab lil Denzel Dumfries li bir-ras għeleb lil Buschan.

Mat-tisfira tar-referi, kienu l-Olandiżi li ħarġu bi tbissima minn dan il-konfront bl-Ukreni li minkejja kollox taw qalbhom.

Skor finali: Olanda 3  Ukrajna 2

Referi kien Felix Brych mill-Federazzjoni Ġermaniża.

52′ Georginio Wijnaldum 1-0

58′ Wout Weghorst 2-0

75′ Andriy Yarmolenko 2-1

79′ 2-2 Roman YaremchuK 2-2

85′ Denzel Dumfries 3-2

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.