Futbol internazzjonali
UEFA Euro 2020: Rebħiet għall-Italja, il-Ġermanja u Franza fost l-oħrajn

Matul il-ġurnata tat-Tlieta kompliet tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2020. Għal ġurnata oħra, l-ebda draw fl-ebda grawnd, b’ħames timijiet jirnexxilhom jieħdu rebħa barra minn darhom. Ir-riżultati kollha kienu dawn:

GRUPP Ċ

Belarus 0 Irlanda ta’ Fuq 1

L-Irlanda ta’ Fuq baqgħu jimpressjonaw fi Grupp Ċ hekk kif rebħu r-raba’ logħba minn daqstant logħbiet, din id-darba kontra l-Belarus bl-iskor ta’ 1-0. B’hekk l-Irlanda ta’ Fuq jinsabu fil-quċċata tal-grupp, b’punti massimi wara 4 logħbiet.

Ġermanja 8 Estonja 0

L-ebda ħniena mill-Ġermanja kontra l-Estonja meta rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 8-0. Il-Ġermaniżi kienu għalqu l-logħba sa tmiem l-ewwel taqsima meta r-riżultat kien diġa’ 5-0, imbgħad fit-tieni taqsima żiedu 3 oħra. Doppjetta għal Marco Reus u Serge Gnabry, filwaqt li Leon Goretzka, Ilkay Gundogan, Timo Werner u Leroy Sane skurjaw gowl kull wieħed. B’din ir-rebħa l-Ġermanja wkoll għandhom punti massimi, imma s’issa lagħbu 3 logħbiet u allura jinsabu fit-tieni post b’9 punti.

GRUPP E

Ażerbajġan 1 Slovakkja 5

Rebħa komda għall-iSlovakkja kontra l-Ażerbajġan barra minn darhom, biex b’hekk l-iSlovakki żammew it-tieni post fil-klassifika ta’ Grupp E, tliet punti wara l-Ungerija.

Ungerija 1 Wales 0

Skoss għal Wales barra minn darhom meta tilfu għand l-Ungerija bl-iskor ta’ 1-0. Din kienet it-tieni telfa ta’ Wales minn tliet logħbiet, bl-Ungeriżi jirbħu t-tielet waħda minn erbgħa u allura għandhom 9 punti u jinsabu fil-quċċata tal-grupp.

GRUPP H

Albanija 2 Moldova 0

Tasal it-tieni rebħa tal-Albanija fi Grupp H wara li b’kollox lagħbu 4 logħbiet. B’din ir-rebħa ta’ 2-0 fuq il-Moldova, l-Albanija qabżu lill-istess tim fil-grupp, u issa jinsabu 3 punti taħt it-tliet timijiet ta’ qabilhom.

Andorra 0 Franza 4

Wara l-iskoss li ħadu kontra t-Turkija erbat ijiem ilu, Franza rritornaw għar-rebħ barra minn darhom kontra Andorra meta rebħulhom bl-iskor ta’ 4-0. Logħba magħluqa sal-ewwel taqsima meta l-iskor kien diġa’ 3-0 sal-mistrieħ. Il-gowls waslu minn Mbappé, Ben Yedder, Thauvin u Zouma biex b’hekk Franza għandhom 9 punti wara 4 logħbiet.

Iżlanda 2 Turkija 1

Wara li t-Turkija għelbu lil Franza ftit tal-jiem ilu, marru l-Iżlanda u ma kellhomx l-istess fortuna meta issa ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 2-1. B’din ir-rebħa l-Iżlanda laħqu lill-istess Turkija fil-grupp, 9 punti kull wieħed, u allura fi Grupp H, Franza, it-Turkija u l-Iżlanda kollha għandhom 9 punti.

GRUPP I

Każakstan 4 San Marino 0

Tasal it-tieni rebħa għall-Każakstan wara 4 logħbiet fi Grupp I, b’rebħa komda ta’ 4-0 fuq San Marino.

Belġju 3 Skozja 0

Il-Belġju rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu s’issa fil-grupp u jinsabu fil-quċċata tal-klassifika bi 12-il punt, bl-aħħar rebħa tasal kontra l-iSkozja bl-iskor ta’ 3-0. Doppjetta ta’ Lukaku u gowl ieħor ta’ De Bruyne kienu biżżejjed biex il-Belġjani ħarġu rebbieħa f’dan il-konfront. Għall-iSkozja s-sitwazzjoni hija xi ftit diżappuntanti meta ġabru biss 6 punti minn 4 logħbiet.

Russja 1 Ċipru 0

Rebħa minima għar-Russi kontra ċ-Ċipru meta rebħu bl-iskor ta’ 1-0 u issa jinsabu waħedhom fit-tieni post tal-grupp b’9 punti.

GRUPP J

Greċja 2 Armenja 3

Rebħa missielta għall-Armenja barra minn darhom kontra l-Greċja, meta skurjaw il-gowl farrad minn ħamsa u rebħu 3-2. B’din ir-rebħa l-Armeni telgħu b’6 punti fi Grupp J u ħallew lill-Griegi warajhom b’4 punti.

Italja 2 Bożnja-Ħerżegovina 1

12-il punt mill-ewwel 4 logħbiet għall-Italja meta laqgħu għandhom lill-Bożnja-Ħerżegovina u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-1. Sa tmiem l-ewwel taqsima kien Dzeko li poġġa lil pajjiżu minn fuq, bit-Taljani jkunu 1-0 minn taħt. Imma kmieni fit-tieni taqsima Insgine għamel l-iskor indaqs, sakemm Verratti, 4 minuti mit-tmiem, skorja l-gowl tar-rebħa għall-Italja.

Liechtenstein 0 Finlandja 2

Liechtenstein baqgħu bla ebda punt fi Grupp J, bil-Finlandja jieħdu t-tielet rebħa minn erba’ logħbiet u telgħu b’9 punti fit-tieni post tal-grupp.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Illejla fis-Serie A ser jintlagħbu żewġ konfronti interessanti għall-fini tar-rebħ tal-kampjonat. 19:30 Lecce – Lazio Fl-aħħar sitt logħbiet tal-kampjonat, Lecce dejjem ħarġu b’idejhom vojta. Telfa wara l-oħra spiċċaw it-tielet mill-aħħar…

Futbol internazzjonali

Heidenheim 2   Werder Bremen 2 (agg. 2-2) Kellha tkun ir-regola tal-gowls away li salvat wiċċ Werder Bremen u posthom fil-Bundesliga għal staġun ieħor. Wara li fl-ewwel leg tal-promotion-relegation playoff spiċċaw…

Futbol internazzjonali

Sevilla 1   Eibar 0 Gowl uniku fis-56 minuta kien biżżejjed biex Sevilla jegħlbu lil Eibar u jibqgħu jissieltu għat-tielet post f’La Liga. Kien Ocampos li skurja l-uniku gowl tal-logħba biex…

Futbol internazzjonali

Tottenham H. 1   Everton 0 Kellu jkun awto-gowl ta’ Keane fl-24 minuta tal-logħba li ta r-rebħa u t-tliet punti lil Tottenham Hotspur meta laqgħu f’darhom lil Everton. B’din ir-rebħa, it-tim…

Aktar