Euro2020
UEFA EURO 2020 – Tasal il-ġurnata mistennija … illejla tibda edizzjoni oħra tal-Kampjonati Ewropej

Il-ġurnata waslet! Il-11 ta’ Ġunju ilu mistenni aktar minn sena wara li l-EURO 2020 kien ġie pospost minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Matul il-ġurnata tal-Ħamis kienu qed iseħħu l-aħħar preparamenti f’Ruma sabiex illejla jingħata bidu għal edizzjoni oħra tal-Kampjonati Ewropej tal-futbol. Fl-Istadio Olimpico, illejla tintlagħab il-logħba inawgurali bejn it-Turkija u l-Italja. Fl-istadium ser jitħallew jidħlu sa 25% tal-partitarji li jiflaħ, u allura l-awtoritajiet ħasbu li jorganizzaw żoni għall-partitarji madwar il-belt sabiex jaraw il-logħba fuq skrin kbir.

Fost dawn iż-żoni hemm il-Piazza del Popolo kif ukoll qrib il-Kolossew fiċ-ċentru ta’ Ruma. Il-belt kapitali Taljani ser tospita l-logħbiet tal-grupp tat-tim nazzjonali Taljan kif ukoll waħda mill-kwartifinali.

Sabiex il-partitarji jiddaħħlu fl-istadia, huma jridu jipprovdu jew test negattiv tal-Covid-19 sa 48 siegħa qabel, jew ċertifikat li juri li tlaqqmu biż-żewġ dożi kontra l-coronavirus sa ħmistax qabel, inkella prova li fl-aħħar sitt xhur irkupraw mill-infezzjoni bil-virus.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA