Futbol lokali
Uefa Europa Conference League: Birkirkara jċedu fit-tieni taqsima

Olimpija Ljubljana għelbu lil Birkirkara 1-0 b’gowl lejn it-tmiem ta’ Nukic fl-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League, fejn issa l-Istripes iridu jirbħu l-logħba ta’ ritorn jekk iridu jkompli jittamaw.

L-ewwel taqsima kienet bilanċjata bit-tim Sloven ikollu iktar pussess tal-ballun iżda Birkirkara kkontrollaw tajjeb u meta setgħu ippruvaw ukoll azzjonijiet fl-attakk iżda ftit kienu perikolużi.

Olimpija minkejja l-pussess tal-ballun ftit li xejn kienu perikolużi għajr għal okkażjoni waħda wara ħames minuti meta minn ballun f’nofs il-grawnd Nukic daħal tajjeb fil-kaxxa iżda Fernandes imblokka b’siequ.

Fit-tieni taqsima Olimpija żiedu sew il-pressjoni hekk kif Birkirkara bdew isibu diffikulta biex joħorġu bil-ballun. Tnax-il minuta mit-tmiem wasal il-gowl tar-rebħa meta Nukic dar tajjeb fid-difiża Karkariża u għeleb lil Fernandes.

Minuta wara xutt ta’ Seslar mar ftit barra u fil-85 minuta kienet il-lasta li salvat lil Birkirkara fuq xutt bomba ta’ Aldair.

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League