Futbol lokali
Uefa Europa Conference League: B’Kara eliminati wara l-għoti tal-penalties

Birkirkara……..1

O. Ljubljana….0

(agg. 1-1, jikkwalifikaw Ljubljana 5-4 wara l-għoti tal-penalties)

Birkirkara sfaw eliminati minn Olimpija Ljubljana fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Uefa Europa Conference League. Wara li l-Isloveni rebħu 1-0 f’pajjiżhom B’Kara kisbu rebħa bl-istess skor biex il-logħba marret fil-ħin barrani u ġiet deċiża bl-għoti tal-penalties bis-Sloveni jikkwalifikaw.

Il-kowċ tal-Istripes Andre’ Paus wettaq bidla waħda mil-logħba tal-ewwel leg b’Macedo jibda flok Briffa. Fis-17 il-minuta ċans tajjeb għal Ljubljana meta minn kross ta’ Gliha kien Mustafa Nukic li b’xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa ż-żgħira xeħet għoli.

Birkirkara fetħu l-iskor fis-27 minuta bi free kick dirett minn barra l-kaxxa ta’ Diego Venancio li ħasad għal kollox lill-gowlkeeper avversarju.

Fit-tieni taqsima l-logħob kien bilanċjat fejn Birkirkara kellhom xi ċansijiet fosthom minn Falcone u Venancio filwaqt li Ljubljana kien perikolużi diversi drabi fosthom fil-ħin mogħti żejjed fejn fallew ċans tajjeb ta’ skor minn quddiem il-lasta.

Il-logħba baqgħet bl-iskor ta’ 1-0 biex marret fil-ħin barrani u ma’ kien hemm ebda żblokk biex kellhom ikunu l-penalties li ddeċidew dan il-konfront.

Ljubljana skurjaw il-ħames penalties tagħhom filwaqt li għal Birkirkara skurjaw Pepe, Venancio, Bezzina u Agiurre filwaqt li Paul Mbong falla.

 

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League