Futbol lokali
Uefa Europa Conference League: Hibernians jgħaddu għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni

Hibernians………..4

Folgore……………..2

(agg. 7-3)

Hibernians għaddew għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Uefa Europa Conference League wara li fil-logħba ta’ ritorn li ntlagħbet fil-grawnd Ċentinarju għelbu lil Folgore ta’ San Marino bl-iskor ta’ 4-2 għal aggregate skor ta’ 7-3.

Hibernians fil-vantaġġ wara għaxar minuti logħob meta kien Grech li daħal fil-kaxxa fejn tefa’ kross lejn Jurgen Degabriele li b’xutt fil-baxx sab ir-rokna tax-xibka.

Fit-28 minuta Folgore kisbu l-gowl tad-draw b’xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Fedeli li ħasad għal kollox lil Vella.

Fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima Folgore fil-vantaġġ. Żball ta’ Bjorn Kristensen ippermetta lil Jessey li jieħu l-pussess u wara li qabeż lil Vella li kien barra minn postu tefa’ f’lasta vojta.

Bidu tajjeb għat-tieni taqsima minn Hibernians fejn wara biss żewġ minuti għamlu l-iskor 2-2. Kien Taylon li bi kross preċiż sab lil Domoraud biex l-attakkant Pawlist minn quddiem il-lasta bir-ras ma’ falliex. Biex fis-66 minuta l-Pawlisti fil-vantaġġ fejn din id-darba kien Beerman li qassam lejn Kristensen li qassam fid-direzzjoni ta’ Degabriele bl-attakkant ta’ Hibernians jiskorja t-tielet gowl u t-tieni gowl personali.

Hibernians issa kienu fil-kontroll tal-logħba biex fis-77 minuta huma għamlu l-iskor 4-2 hekk kif Degabriele ġab lil Jake Grech waħdu li minn naħa tiegħu poġġa l-ballun fix-xibka.

Fir-rawnd li jmiss Hibernians jiltaqgħu kontra r-rebbieħ mill-konfront bejn Riga tal-Latvja u KF Shkendija tal-Maċedonja.

 

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League