Sport Lokali
UEFA Europa Conference League: Debutt tal-ħolm għal Mosta

UEFA Europa Conference League – L-ewwel leg tal-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni

Mosta………………….3

Spartak Trnava…..2

Mosta għelbu lil Spartak Trnava tas-Slovakkja bl-iskor ta’ 3-2 fl-ewwel leg tar-rawnd ta’ kwalifika tal-UEFA Europa Conference League fic-Centenary Stadium. Għal Mosta din kienet l-ewwel darba li kienu qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni Ewropea u b’hekk wieħed jista’ jgħid li kellhom debutt tal-ħolm.

Mosta fetħu l-iskor fit-23 minuta meta kien Christ Ememe li ħarab l-avversarju dirett tiegħu, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-gowlkiper Takac.

Tliet minuti wara, Mosta ngħataw penalty wara li d-difensur Twardzik waqqa’ lil Nsumoh fil-kaxxa. Mill-11-il metru kien Clayton Failla li għamilhom 2-0.

Mosta baqgħu konċentrati u ma kinitx sorpriża li skorjaw it-tielet gowl meta kien Johnson Kalu Nsumoh li approfitta minn inċertezza difensiva u b’xutt b’saħħtu għeleb għal darb’oħra lil Takac.

Eżatt fil-ħin mogħti żejjed mir-referi, Spartak Trnava ngħataw penalty wara li Tyrone Farrugia waqqa’ fil-kaxxa lil Vlasko. Mill-11-il metru kien Filip Twardzik li għeleb lil Maffoumbi.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 3-1 favur Mosta.

Fit-tieni taqsima, Spartak Trnava ħarġu sabiex ifittxu l-gowl li seta’ jdaħħalhom fil-partita. Huma naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Martin Mikovic li rċieva tajjeb mingħand Vlasko u b’xutt b’saħħtu sammar il-ballun fix-xibka.

Mosta kkontrollaw tajjeb sabiex ħarġu bir-rebħ minn dan il-konfront.

Skor finali: Mosta 3 Spartak Trnava 2

Referi kien Kristoffer Hagenes mill-federazzjoni Norveġiża

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'