Futbol internazzjonali
UEFA Europa League: Tisfuma l-ħolma Furjaniża
Floriana eliminati bil-penalties wara 120 minuta bla goal

UEFA Europa League: 3 Round

Floriana…………2

Flora Tallinn…..4

Floriana raw il-ħolma tagħhom li jsiru l-ewwel team Malti li jgħaddi għall-play-offs tal-UEFA Europa League tisfuma meta wara wirja qalbenija li rathom jilagħbu l-aħjar football u joħolqu l-aqwa ċansijiet, kellhom iċedu fl-għoti tal-penalties kontra Flora Tallinn tal-Estonja, wara li 120 minuta logħob ma pproduċew l-ebda goal.

Il-coach Enzo Potenza għamel sitt bidliet mill-ewwel ħdax tal-Greens li bdew kontra Gżira Utd nhar il-Ħadd fil-Kampjonat Premier u niżel bl-istess formazzjoni li lagħbet fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Linfield fl-Irlanda ta’ Fuq ġimgħa ilu. L-ewwel taqsima kienet nieqsa ħafna mill-azzjonijiet, bl-Estonjani igawdu aktar pussess imma ma joħolqux perikli lil Atkpan, u Floriana kuntenti jikkontrollaw: biex ma kienet l-ebda sorpriża li t-taqsima għalqet bla goals.

Il-folja nqalbet fit-tieni taqsima, bi Floriana jiddominaw u jintefgħu fuq l-attakk. Kwazi mill-ewwel, ċans għalihom: konklużjoni fil-baxx ta’ Leone minn ġol-kaxxa, ballun imxellef għal corner minn difensur ta’ Flora. Ftit wara, xutt did-darba  mid-distanza ta’ Paiber jgħaddi ftit barra bil-goalkeeper b’danakollu deher lest jintervjeni. Eżatt mas-siegħa logħob Venancio ttanta xortih mill-bogħod imma x-xutt tiegħu mar għoli: imbagħad kien imiss lil Ruiz imma t-tentattiv tiegħu kien ċentrali wisq.

Floriana baqgħu jagħfsu u azzjoni bejn Keki u Garcia spiċċat b’dan tal-aħħar jixxuttja għar-rokna imma l-goalkeeper avversarju jsalva. Reġa’ Keki li tefa’ kross fil-baxx għan-nofs imma ħadd minn sħabu ma laħaq fil-ħin: u fit-68 minuta, save kbir tal-goalkeeper Igonen ċaħħad lil Garcia minn goal sabiħ b’xutt minn tarf il-kaxxa. 12-il minuta mit-tmiem, freekick ta’ Venancio għadda ċentimetri fuq il-mimduda.

Żewġ minuti mit-tmiem, Atkpan salva r-riżultat għal Floriana b’riflessi mill-aqwa fuq xutt minn taħtu tas-sostitut Lepik f’dik li kellha tkun l-aħħar azzjoni tal-ħin regolamentari. 90 minuta: 0-0.

Fil-ħin barrani r-rimtu naqas, biż-żewġ timijiet aktar attenti li ma jsofrux il-goal milli jiskurjawh.  Wara 5 minuti xutt fuq id-dawra tas-sostitut Cheveresan għal Floriana mar barra: u fil-116-il minuta Tiago Fonseca pprova għar-rokna ta’ fuq imma l-ballun dar għal barra: biex wara 120 minuta logħob l-iskor baqa’ ma nfetahx u l-kwalifikazzjoni marret għall-penalties.

Għal Floriana rriżultaw fatali l-iżbalji mill-11-il metru ta’ Keki li tefa’ għoli u Venancio li ra l-goalkeeper isalva: bi Flora min-naħa tagħhom jiskurjaw erbgħa mill-ħames penalties li taw, b’Atkpan isalva l-ieħor. Għal Floriana skurjaw Fonseca u Jan Busuttil: għal skor finali, wara l-għoti tal-penalties: Floriana 2, Flora Tallinn 4.

Bħal-lum ġimgħa issa Flora jmisshom away għand Dinamo Zagreb tal-Kroazja fil-play-off: b’min jirbaħ il-konfront fuq leg wieħed jikkwalifika għall-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League.

It-timijiet lagħbu b’din il-formazzjoni:

Floriana Ini Atkpan, Enzo Ruiz, Diego Venancio, Nicola Leone (117′ Jan Busuttil), Kristian Keqi, Brandon Paiber (81′ Cheveresan), Jurgen Pisani (captain), Matias Garcia, Marcelo Dias, Ryan Camenzuli, Tiago Fonseca coach: Enzo Potenza

Flora Tallinn: Matvei Igonen, Marten Kuusk, Marco Lukka, Vladislav Kreida, Rauno Alliku, Rauno Sappinen, Konstantin Vassiljev (captain), Henrik Purg, Michael Lilander, Markus Soomets, Vlassiy Sinyavskij coach: Jurgen Henn

Referee: Irfan Peljto (Bożnja-Ħerżegovina)

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.