UEFA Europa League: telfa għal Balzan f’partita ta’ seba’ goals

UEFA Europa League 2019/20

L-Ewwel Round ta’ kwalifikazzjoni Leg 1

BALZAN …..3

DOMZALE ..4

F’partita divertenti minkejja s-sħana fis-Centenary Stadium, Balzan bdew minn taħt u darbtejn kienu minn fuq qabel finalment ċedew għas-Sloveni ta’ Domzale f’partita ta’ seba’ goals mill-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League.

Sloveni fil-vantaġġ fi prattikament l-ewwel azzjoni tal-partita fir-raba’ minuta meta r-referee ġġudika li Bosovic ġibed lil Vuk fil-kaxxa u pront saffar għal penalty: mill-11-il metru l-captain Ibricic għeleb lil Naumovski.

Man-nofs siegħa logħob Balzan perikolużi: freekick ta’ Correa, mattar saqajh tajjeb mat-tieni lasta Ljubomirac imma t-tentattiv tiegħu tkaxkar barra n-naħa l-oħra.

Erba’ minuti wara Balzan ġabu d-draw: Effiong wara ħarba għadda lejn Correa li evita l-avversarju dirett u minn tarf il-kaxxa spara fis-saqaf tax-xibka.

Tliet minuti oħra u Balzan dawru l-iskor: Effiong mill-ġdid bl-assist did-darba lil Ljubomirac li avvanza għal ġol-kaxxa u b’xutt fil-baxx ma ta ebda ebda ċans lill-goalkeeper Sorcan.

Domzale kellhom fejn jiskurjaw mumenti wara imma Podlogar bir-ras minn taħt il-lasta tefa’ għoli: u fil-ħin miżjud għall-ewwel taqsima Bezzina providenzjali meta mblokka fuq l-istess Podlogar żmarkat fil-kaxxa: biex Balzan daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq.

Imma Domzale ħadu biss tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima biex għamlu l-iskor indaqs: kross-xutt mix-xellug, Vuk bla diffikulta’ bir-ras għal ġewwa.

Fit-53 minuta ċans kbir għal Balzan meta Dimic approfitta minn clearance ħażina tal-goalkeeper imma żmarkat għal kollox ittardja l-konklużjoni u ra l-istess goalkeeper Sorcan isalva.

Dimic patta tal-iżball tliet minuti biss wara: b’daqqa ta’ takkuna ntelliġenti huwa żmarka lil Effiong li xxuttja għar-rokna għat-3-2.

Il-goals baqgħu ġejjin: kienet għadha kif skorriet is-siegħa logħob meta nqalgħet taħwida taħt il-lasta ta’ Balzan: il-ballun finalment spiċċa f’saqajn Sikosek li għamel l-iskor 3-3.

Naumovski kien bravu meta ntefa’ minn tulu biex idawwar xutt ta’ Gnezda Cerin għal corner: imma ma seta’ jagħmel xejn kwarta mit-tmiem meta Domzale skurjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa: awtur Podlogar li daħal tajjeb għal kross mil-lemin u skorja bla diffikultà.

Il-ħin li kien fadal u l-ħames minuti żejda mogħtija fuq id-90 ma kinux biżżejjed għal Balzan biex jerġgħu jisfurzaw draw: biex Domzale jieħdu vantaġġ ta’ 4-3 għat-tieni leg fis-Slovenja bħal-lum ġimgħa.

Balzan bdew b’din il-formazzjoni: Kristijan Naumovski, Aleksandar Kosoric, Nenad Slivic, Steve Pisani, Steve Bezzina (captain), Paul Fenech, Alfred Effiong, Uros Ljubomirac, Ivan Bozovic, Stefan Dimic, Ricardo Correa

Sostituzzjonijiet: 70′ Arthur Faria Machado minflok Effiong, 81′ Andrija Majdevac minflok Ljubomirac, 86′ Lydon Micallef minflok Correa

Coach: Jacques Scerri

Referee: Aleksei Matyunin (Russja)

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Saru magħrufa l-avversarji possibbli ta’ Valletta u Gżira United jekk dawn javvanzaw fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-Uefa Champions League u tal-Uefa Europa League rispettivament. Il-Poloz itellgħu f’Nyon. Mill-Uefa Champions League…

Futbol lokali

Ġimgħa mill-iktar impenjattiva għaċ-champions Valletta u t-tim ta’ Gżira United fiż-żewġ partiti li għandhom mill-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League, rispettivament. Wara l-kwalifikazzjoni kontra Dudelange tal-Lussemburgu, Valletta issa jilagħbu…

Aktar