Futbol internazzjonali
UEFA Europa League: Fadal 11-il tim x’jgħaddu mill-aħħar ġurnata tal-gruppi

Illum tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-UEFA Europa League, bi 13-il tim diġa’ għamluha għar-Round tat-32, filwaqt li 11-il tim ieħor għadhom iridu jgħaddu llejla. Il-logħba bejn Olympiacos u Milan ser tintwera diretta fuq TVM2 fid-21:00.

GRUPP A

21:00  Ludogorets Radzgrad (3) vs Zürich (9) – Logħba bla wisq storja għaliex Zürich diġa’ għaddew għar-round li jmiss, biss Ludogorets għadhom biċ-ċans li ma jispiċċawx l-aħħar fil-grupp jekk kemm-il darba jirbħu huma, filwaqt li AEK Larnaca jitilfu. Min-naħa l-oħra, Zürich iridu rebħa bilfors jekk iridu jirbħu l-grupp u jittamaw f’żelqa minn Bayer Leverkusen.

21:00  AEK Larnaca (5) vs Bayer Leverkusen (10) – Logħba oħra bla wisq interess ħlief kif ser jispiċċaw it-timijiet fil-grupp. Bayer Leverkusen, jistgħu anke jekk jitilfu, jispiċċaw jirbħu l-grupp jekk kemm-il darba Zürich ma jirbħux.

 

GRUPP B

21:00  Celtic (9) vs Salzburg (15) – Celtic għandhom bżonn dro jew rebħa biex jagħmlu ċert minn  post fir-round li jmiss, biss jekk RB Leipzig ma jirbħux fil-logħba tagħhom, allura Celtic xorta waħda jkunu ċerti minn post mal-aħħar 32. It-tim ta’ Salzburg ċert mir-rebħ tal-grupp wara li rebħu l-ħames logħbiet ta’ qabel.

21:00  RB Leipzig (6) vs Rosenborg (0) – Leipzig iridu rebħa bilfors u jittamaw li Celtic jitilfu biex jgħaddu mill-grupp. Daqshekk sempliċi u fl-istess ħin diffiċli.

 

GRUPP Ċ

21:00  Slavia Praga (7) vs Zenit (11) – Zenit huma ċerti mir-rebħ ta’ Grupp Ċ, u Slavia Praga għandhom bżonn dro biex huma wkoll jgħaddu għar-Round tat-32, sakemm ma jiġux dro Copenhagen u Bordeaux u allura anke jekk jitilfu huma, xorta waħda jgħaddu.

21:00  Copenhagen (5) vs Bordeaux (4) – Jekk Slavia Praga jitilfu l-logħba tagħhom, allura din il-logħba jkollha sinjifikat kbir. Tista’ tkun logħba bejn żewġ timijiet eliminati, jew inkella jekk wieħed minnhom joħroġ rebbieħ, jispiċċa jagħmilha għall-fażi li jmiss. Jekk xi ħadd minnhom jirbaħ u Slavia Praga jitilfu, allura min jirbaħ dan il-konfront jgħaddi għar-Round tat-32.

 

GRUPP D

21:00  Dinamo Zagreb (13) vs Anderlecht (2) – Logħba b’xejn ġdid fiha u l-ebda interess, għaliex Dinamo Zagreb rebħu l-grupp u Anderlecht jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

21:00  Spartak Trnava (4) – Fenerbahçe (8) – Logħba oħra bla storja fi grupp li huwa diġa’ magħluq, għaliex it-Torok jafu li jinsabu fir-round li jmiss u li ser jiġu t-tieni f’dan il-grupp.

 

GRUPP E

21:00  Arsenal (13) vs Qarabağ (3) – Logħba bla wisq interess fl-Emirates Stadium, għaliex Arsenal diġa’ jafu li huma r-rebbieħa ta’ dan il-grupp.

21:00  Sporting (10) vs Vorskla (3) – Sporting għaddew ukoll u ser jispiċċaw it-tieni fi Grupp E.

 

GRUPP F

21:00  Olympiacos (7) vs Milan (10) – Milan għandhom bżonn dro biex jgħaddu għar-round li jmiss, biss għal Olympiacos hija ftit aktar iebsa, għaliex biex jgħaddu huma jridu jegħlbu lill-Milan 2-0 jew 3-1, jew inkella b’differenza ta’ tliet gowls jew aktar. Dan ifisser li llejla, anke jekk Milan jitilfu 1-0, xorta jkunu it-tim Taljan li jgħaddi għar-Round tat-32. Milan għadhom biċ-ċans li jirbħu l-grupp jekk jieħdu rebħa, u Real Betis jiżolqu fil-logħba tagħhom.

21:00  Dudelange (0) vs Real Betis (11) – B’rebħa Real Betis jirbħu l-grupp, u jekk Milan ma jiħdux it-tliet punti u l-Betis jitilfu, allura jkunu huma xorta li jirbħu dan il-grupp.

 

GRUPP G

18:55  Villarreal (7) vs Spartak Moscow (5) – It-tim Spanjol ta’ Villarreal għandhom bżonn dro biex jgħaddu għar-round li jmiss, filwaqt li Spartak Moscow iridu rebħa bilfors jekk iridu jibqgħu jilagħbu fil-UEFA Europa League dan l-istaġun.

18:55  Rapid Vienna (7) vs Rangers (6) – It-tim Awstrijak jaf li bi dro jew rebħa jagħmilha għar-round li jmiss. Mhux daqshekk faċli għar-Rangers li għandhom bżonn rebħa bilfors biex ikunu huma li jingħaqdu mat-tim mil-logħba l-oħra fir-round li jmiss.

 

GRUPP H

18:55  Lazio (9) vs Eintracht Frankfurt (15) – Logħba bla storja fl-Olimpico, ħlief li forsi t-tim Ġermaniż ikun qed jimmira li ma jitlifx logħba waħda, għaliex s’issa rebħu l-ħames logħbiet li lagħbu fil-grupp. Iż-żewġ timijiet jafu li ser jispiċċaw it-tieni u l-ewwel rispettivament.

18:55  Marseille (1) vs Apollon Limassol (4) – It-tim t’André Schembri marru Franza u llejla jittamaw li jispiċċaw il-grupp fuq nota pożittiva, għalkemm jafu li huma diġa’ eliminati.

 

GRUPP I

18:55  Genk (8) vs Sarpsborg (5) – Genk iridu jagħmlu ċert li ma jitilfux, għax jekk jiġri hekk allura jispiċċaw eliminati. Sarpsborg għandhom bżonn rebħa biex jgħaddu għar-round li jmiss.

18:55  Beşiktaş (7) vs Malmö (6) – Min jirbaħ din il-logħba jgħaddi mill-grupp, imma bi dro, it-tim Tork jirnexxielu jagħmilha wkoll. Jista’ jkollna l-eventwalità li tliet timijiet jispiċċaw bl-istess punti, jekk kemm-il darba Sarpsborg jirbħu u Beşiktaş  jiġu dro, imma jekk jiġri hekk ikunu Sarpsborg u Beşiktaş li jgħaddu, b’Genk jibqgħu l-art.

 

GRUPP J

18:55  Sevilla (9) vs Krasnodar (12) – Krasnodar kważi ċerti minn post fir-Round tat-32. Jekk jiġu dro allura jkunu ċerti li rebħu l-grupp, biss iridu joqgħodu attenti li ma jaqilgħux xi xita ta’ gowls kontra Sevilla, għaliex jekk jitilfu 4-0 jew aktar, jista’ jkun li jispiċċaw eliminati. Min-naħa l-oħra, Sevilla għandhom bżonn rebħa, jew inkella riżultat identiku ta’ kif jispiċċaw Standard Liège.

18:55  Akhisar (0) vs Standard Liège (9) – It-tim Belġjan m’għandux logħba faċli, mhux għax mhumiex mistennija li jegħlbu lil Akhisar, li għadhom ma kisbux punt fil-grupp, imma għax jiddependu ħafna fuq x’jiġri fil-logħba l-oħra. Żgur li huma qegħdin jittamaw li Sevilla jiżolqu bi dro jew telfa, għaliex jekk l-Ispanjoli jirbħu tkun kważi impossibbli li jagħmluha għar-Round tat-32.

 

GRUPP K

18:55  Dynamo Kiev (11) vs Jablonec (2) – It-tim Ukren diġa’ għaddew għar-round li jmiss u huma r-rebbieħa tal-grupp, allura logħba bla storja.

18:55  Rennes (6) vs Astana (8) – It-tim t’Astana jafu li bi dro jkun biżżejjed għalihom li jgħaddu minn dan il-grupp, bit-tim Franċiż ta’ Rennes jaf li rebħa biss tissodisfahom.

 

GRUPP L

18:55  Vidi (6) vs Chelsea (15) – Chelsea rebħu ħamsa minn ħamsa u allura rebħu dan il-grupp, imma Vidi għandhom bżonn rebħa u jittamaw li BATE jiżolqu jekk iridu jkunu huma li jgħaddu. Jekk Vidi u BATE jispiċċaw b’punti ndaqs, allura jkunu t-tim mill-Belarus li jagħmilha għar-Round tat-32.

18:55  PAOK (3) vs BATE Borisov (6) – F’logħba li tista’ tkun eċitanti ħafna, PAOK għadhom biċ-ċans li jgħaddu għar-Round tat-32 jekk jieħdu t-tliet punti u Vidi jispiċċaw telliefa kontra Chelsea. Hawnhekk jista’ jkollna sitwazzjoni fejn tliet timijiet jispiċċaw b’6 punti, imma min-naħa l-oħra, jekk BATE Borisov jirbħu, allura jkunu huma li jgħaddu, jagħmlu x’jagħmlu Vidi kontra Chelsea.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Iċ-champions tax-xitwa tas-Slovakkja u tliet timijiet mir-Repubblika Ċeka jinsabu Malta biex jilagħbu tournament kwadrangulari għat-Tipsport Malta Cup. Is-Slovakki ta’ Slovan Bratislava: u Mlada Boleslav, bħalissa fl-għaxar post fis-Superliga Ċeka, flimkien…

Futbol internazzjonali

Gianluigi Buffon, il-gowlkiper ta’ Parsi St Germain, qal li xtaq jibqa’ ma’ Juventus biex ikun jista’ jilgħab ma’ Cristiano Ronaldo iżda d-destin ried mod ieħor. Buffon qal dan f’intevista li…

Futbol internazzjonali

Jose Mourinho, l-ex kowċ ta’ Inter FC, qal li l-aqwa tim li qatt ikkowċja kien dak ta’ Inter FC li magħhom rebaħ it-tliet trofew. Mourinho ikkowċja l-Inter bejn l-2008 u…

Futbol internazzjonali

Il-kowċ tal-Milan, Gennaro Gattuso, ġie sospiż logħba waħda mit-touchline, wara li fit-telfa tat-tim tiegħu kontra Juventus fis-Super Coppa, huwa kkonfronta lir-referee b’rabja kbira. Il-kowċ ta’ 41 sena kien voċiferu ħafna…

Aktar