Futbol internazzjonali
UEFA Europa League: Floriana llejla fl-Irlanda ta’ Fuq għand Linfield fit-2 Round
Il-partita murija diretta hawnhekk bil-livestreaming fuq tvm.com.mt/sport

Fin-National Football Stadium ta’ Windsor Park f’Belfast, iċ-champions lokali Floriana llejla jeħduha kontra ċ-champions tal-Irlanda ta’ Fuq Linfield għal post fit-3 Round ta’ Kwalfikazzjoni tal-UEFA Europa League.

Floriana sabu ruħhom fl-Europa League wara li x-xahar li għadda tilfu 2-0 fis-Centenary Stadium ma’ Cluj tar-Rumanija fl-1 Round ta’  Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League. Linfield, champions ta’ pajjiżhom għal rekord ta’ 54 darba, ukoll bdew l-avventura Ewropeja tagħhom dis-sena fiċ-Champions League fejn għaddew għall-1 Round propja b’rebħa fuq Tre Fiori ta’ San Marino u walk-over fuq Drita tal-Kosovo, qabel tilfu 0-1 ma’ Legia tal-Polonja biex spiċċaw fl-Europa League.

F’kummenti esklussivi lil TVMSport, il-coach ta’ Floriana Enzo Potenza stqarr li se tkun partita diffiċli imma huma marru biex ifittxu l-kwalifikazzjoni billi jilagħbu b’awtorità u personalità. Qal li l-avversarji huma tajbin ħafna u r-rekord ta’ titli juri li għandhom mentalità rebbieħa: għalhekk Floriana għandhom bżonn partita perfetta biex joħorġu b’riżultat pożittiv.

Ir-rebbieħ tal-konfront tal-lejla jmissu home kontra Flora Tallinn tal-Estonja jew Reykjavik tal-Iżlanda bħal-lum ġimgħa. It-3 Round ukoll jintlagħab fuq leg wieħed biss: b’min jirbaħ jgħaddi għall-playoffs, pass bogħod mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League.

Linfield – Floriana se tkun streamjata diretta hawnhekk fuq tvm.com.mt/sport u fuq il-paġna uffiċjali ta’ TVMSport fuq Facebook: kick-off fid-20:45.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.