Futbol internazzjonali
UEFA Europa League: Hibernians eliminati minn Fehérvár

UEFA Europa League: Rd 2 ta’ Kwalifikazzjoni

Hibernians…0

Fehérvár…….1

Goal waħdani mas-siegħa logħob ra lil Hibernians eliminati fit-2 Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League minn Fehérvár tal-Ungerija.

L-ewwel taqsima rat lill-Ungeriżi fil-parti l-kbira fuq l-offensiva għalkemm il-periklu fuq il-lasta ta’ Calleja Cremona kien rari. Mas-7 minuta kellhom xutt ta’ Petriak li għadda ftit barra u ftit qabel in-nofs siegħa logħob Apap ikklerja konklużjoni ta’ Nego kważi minn fuq il-linja. Fuq in-naħa l-oħra tal-ground Degabriele kien pożizzjonat tajjeb għal rebound f’tarf il-kaxxa imma xxuttja barra: u qabel għalqet it-taqsima Fehervar ipprotestaw għal intervent fil-kaxxa fuq Zivzivadze imma r-referee ħalla l-logħob għaddej: biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu 0-0.

Fil-61 minuta jasal l-uniku goal tal-partita: corner ta’ Petriak, ballun imxellef bir-ras lejn Nikolov li minn taħt il-lasta ma falliex. Seba’ minuti wara Petriak kellu fejn jirdoppja imma waħdu quddiem il-lasta tefa’ barra mill-kross ta’ Nego. Ir-reazzjoni ta’ Hibernians waslet tard wisq: bl-aħjar ċansijiet jaslu fl-aħħar sekondi. L-ewwel kien is-sostitut Winchester li ma rnexxilux jolqot f’lasta vojta mix-xutt-kross ta’ Artiles: u fil-ħin miżjud Degabriele kien ferm sfortunat li x-xutt nofs dawra tiegħu stanmpa mal-mimduda bil-goalkeeper iħares. L-aħħar azzjoni tal-partita rat lil Shola Shodiya ta’ Hibernians jitkeċċa b’ħamra diretta wara li waqqaf kontratttakk b’foul tal-aħħar raġel. Skor finali: Hibernians 0 – Fehérvár 1.

Iż-żewġ timijiet lagħbu b’din il-formazzjoni

Hibernians Matthew Calleja Cremona, Ferdinando Apap, Leandro Almeida, Ayrton Attard 82′ Dunstan Vella), Jake Grech, Jurgen Degabriele, Zachary Grech (64′ Renold Winchester), Gabriel Iziquier Artiles, Shola Shodiya, Andrei Agius (captain), Jose Wilkson Teixeira (74′ Edafe Uzeh)

coach: Stefano Sanderra

Fehérvár Adam Kovacsik, Attila Fiola, Viser Musliu, Ivan Petriak, Boban Nikolov, Budu Zivzivadze, Loic Nego, Stopira (captain), Bendeguz Bolla, Alef (51′ Mate Patkai), Lyes Houri

coach: Gabor Marton

Referee Ivaylo Stoyanov (Bulgarija)

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.