Futbol internazzjonali
UEFA Europa League – Illejla jintlagħbu t-tieni legs tas-semifinali, ċans ta’ finali oħra Ingliża

Semifinali – It-Tieni Leg

Arsenal – Villarreal (agg. 1-2)

Illejla, f’konfront jaħraq fl-Emirates Stadium, Arsenal ser jilqgħu lil Villarreal u jittamaw li jdawru r-riżultat tal-ewwel leg biex jgħaddu għall-finali. Fil-konferenza tal-aħbarijiet, ġurnata qabel il-logħba, il-kowċ Unai Emery qal li t-tim huwa tajjeb biżżejjed biex jieħu rebħa oħra u jagħmel ċert minn post fil-finali.

Unai Emery qal li Arsenal xorta waħda jibqgħu l-favoriti, avolja huma rebħu fl-ewwel leg, imma ser jagħmlu dak kollu possibbli biex illejla jxejnu l-isfida tat-tim Ingliż.

Min-naħa l-oħra, il-manager tal-Gunners Mikel Arteta, tkellem aktar dwar l-inċertezza li qed iddawwar lill-klabb bħalissa, u talab konċentrazzjoni sħiħa mill-plejers. Fil-preżent jidher li Arsenal ser ikollhom amministraturi ġodda, sitwazzjoni li qed tħalli effett fuq it-tim inġenerali, anke wara dak li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu minħabba s-Super League Ewropew. Arteta jixtieq li jirbaħ l-Europa League biex fl-istaġun li ġej Arsenal jikkompetu fiċ-Champions League.

Jidher li llejla, l-partitarji tal-Gunners ser jipprotestaw kontra t-tmexxija tal-klabb qabel il-logħba, b’Arteta jħeġġiġhom sabiex jagħtu s-sapport lit-tim waqt il-wasla tagħhom fl-Emirates Stadium.

Il-logħba tibda fid-21:00 u ser tkun ikkontrollata mir-referee Sloven Slavko Vincic. Il-logħba tintwera diretta fuq TVM2.

 

Roma – Manchester United (agg. 2-6)

Il-manager tar-Red Devils Ole Gunnar Solskjaer qal li għalkemm jaqbel mal-partitarji u mad-dritt tagħhom li jipprotestaw, dan iridu jagħmlu b’mod ċivilizzat u mhux kif seħħ il-Ħadd li għadda qabel il-logħba kontra Liverpool.

Skont Solskjaer, il-familja Glazer kienet qed tagħmel dak kollu possibbli biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni mal-partitarji, u saħansitra bagħtulu apoloġija personali.

Solskjaer qal li għalkemm għandhom vantaġġ komdu mill-ewwel leg, xorta waħda jridu jpoġġu hemm u joħorġu rebbieħa anke llejla biex jgħaddu għall-finali tal-kompetizzjoni.

Fuq in-naħa l-oħra, il-kowċ Paulo Fonseca qal li kien wasal iż-żmien li jħalli lil Roma, u dan wara li din il-ġimgħa l-klabb Taljan ħabbar li José Mourinho kien ser jieħu lit-tim f’idejh mill-istaġun li ġej. Fonseca kkonferma li xorta waħda għadu motivat biex imexxi lil Roma fl-aħħar logħbiet ta’ dan l-istaġun, biss ikkonferma li quddiemu għandu muntanja biex illejla jdawru r-riżultat. Fonseca qal li mhuwiex faċli li fit-tieni leg jirbħu 4-0 kontra Manchester United biex jgħaddu huma, imma sostna li l-plejers ser jagħmlu dak kollu possibbli biex joħorġu b’rashom mgħollija mill-grawnd.

Il-logħba tal-lejla fl-Olimpico ser tkun ikkontrollata mir-referee Ġermaniż Felix Brych, u tibda fid-21:00

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA