Futbol lokali
UEFA Europa League: Plejer ta’ Fehérvár FC pożittiv għall-COVID-19, Hibernians jiktbu lill-Awtorità tas-Saħħa

Plejer tat-tim Ungeriż, Fehérvár FC, instab pożittiv għall-COVID-19.

Fehérvár FC mistennija jaslu f’Malta fis-sigħat li ġejjin biex jilagħbu l-partita mit-tieni rawnd tal-UEFA Europa League kontra Hibernians.

Għadu mhux ċert jekk il-kowċ tat-tim, Gabor Marton, hux se jkun mal-iskwadra. Dan wara li l-ewwel test li sar fuqu ma kienx ċar u kellu joqgħod għat-tieni test li għadu qed jistenna r-riżultat finali tiegħu.

TVMSport jinsab infurmat li Hibernians kitbu lill-Awtorità tas-Saħħa biex jassiguraw li jieħdu l-aħjar prekawzjonijiet biex kulħadd ikun protett mingħajr ebda riskju ta’ tixrid.

Il-plejers u l-istaff kollu tat-tim ta’ Raħal Ġdid għamlu t-test kontra l-virus ilbieraħ u kulħadd ittesjta fin-negattiv.

Hibernians kontra Fehérvár FC tintlagħab il-Ħamis fis-19.00 fis-Centenary Stadium u tixxandar dirett fuq TVM2.

Miktub minn...
TVM Sport