Futsal
UEFA Futsal Champions League: Luxol eliminati minkejja wirja tajba

UEFA Futsal Champions League 2020/21

Luxol……..2

Dobovec…3

Gowl 57 sekonda mit-tmiem ta kwalikazzjoni lit-tim Sloven ta’ Dobovec li fil-Padiljun tal-Universita’ f’Tal-Qroqq għelbu liċ-champions Maltin Luxol bl-iskor ta’ 3-2.

Kienet logħba ferm pożittiva mit-tim minn St Andrews li għaraf jiddefendi tajjeb u jtella’ kontrattakki ferm perikolużi. It-tim immexxi minn Gabriel Dobre mar darbtejn fil-vantaġġ u kellu determinazzjoni kbira li jikteb l-istorja hekk kif kien wasal sal-fażi tal-aħħar 32 tal-kompetizzjoni. Fir-rawnd preċedenti huma kienu eliminaw lill-Awstrijaċi ta’ All Stars 6-2.

Luxol ħadu biss żewġ minuti sabiex marru fil-vantaġġ meta kien Celino Alves li rċieva tajjeb mingħand Veve u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Puskar.

Dobovec wettqu reazzjoni aggressiva għalkemm kien biss lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Luka Peric li approfitta minn żball rari difensiv ta’ Luxol. Dawn tal-aħħar baqgħu konċentrati u reġgħu marru minn fuq permezz ta’ Everton Veve li qabeż lill-gowlkiper u xeħet fix-xibka.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Luxol 2-1 minn fuq.
Dobovec bdew tajjeb ferm it-tieni taqsima u reġa’ kien l-aħjar plejer fil-court Luka Peric li filwaqt li wettaq doppjetta personali, ġab l-iskor indaqs għat-tim tiegħu.

Hekk kif il-logħba kienet destinata li tmur għall-ħin barrani, gowl kiesaħ u biered ta’ Tihomir Novak ta l-kwalifikazzjoni għal mal-aħħar 16 għal Dobovec meta skorja b’xutt mill-viċin.

Minkejja t-telfa, Luxol ħarġu mill-court b’rashom mgħollija u kburin li taw logħba tajba kontra tim li hu rrankjat fid-disa’ post tal-futsal Ewropew.

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'