Futbol internazzjonali
UEFA Nations League: L-Italja u l-Belġju jirbħu l-gruppi rispettivi tagħhom

L-Erbgħa filgħaxija ġiet fi tmiemha l-fażi tal-gruppi tal-UEFA Nations League. Il-Belġju u l-Italja kienu ż-żewġ timijiet l-oħra minn League A li rebħu l-grupp u allura għamluha mal-aħħar erbgħa.

League A

Ingilterra 4   Iżlanda 0

Żewġ gowls f’kull taqsima kienu biżżejjed biex l-Ingilterra għelbet lill-Iżlanda 4-0 fl-aħħar logħba ta’ Grupp 2 f’League A. Għall-Iżlanda din kienet edizzjoni li jridu jinsew malajr wara li tilfu s-sitt logħbiet li lagħbu u kulma skurjaw tliet gowls u qalgħu sbatax. B’hekk l-Iżlanda issa tiġi relegata għal League B fl-edizzjoni li jmiss.

Kien Rice li fetaħ l-iskor għall-Ingilterra fl-20 minuta u erba’ minuti wara Mount għamilhom 2-0 u hekk baqgħu sal-mistrieħ. Fl-54 minuta l-logħba kompliet ġiet għat-telgħa għall-Iżlandiżi meta Saevarsson dabbar it-tieni karta safra u mar fid-dressing room qabel sħabu. Kontra għaxra min-nies l-Ingliżi aktar ħadu kontroll tal-logħba u Phil Foden skorja doppjetta fl-aħħar ħinijiet, fit-80 u fl-84 minuta biex għalaq il-logħba 4-0.

Belġju 4   Danimarka 2

Fil-logħba deċiżiva għal min ser jirbaħ Grupp 2, il-Belġju kienu aħjar mid-Danimarka u rebħulhom 4-2 fil-King Baudouin Stadium fi Brussell. Tielemans fetaħ l-iskor kmieni għall-Belġjani, wara biss 3 minuti, vantaġġ li żammewh għal kwarta biss għaliex Wind ġab id-draw għad-Danimarka fis-17-il minuta u sal-mistrieħ baqgħu 1-1.

Fit-tieni taqsima Romelu Lukaku skorja darbtejn f’temp ta’ 12-il minuta, l-ewwel fis-57 imbagħad fid-69 minuta biex għamel l-iskor 3-1, bid-Danimarka jidħlu lura fil-logħba fis-86 minuta b’awto-gowl ta’ Courtois. Il-Belġjani ma tantx damu ma reġgħu fetħu ż-żewġ gowls vantaġġ għax f’inqas minn 60 sekonda mill-gowl tad-Daniżi, De Bruyne skorja r-raba’ gowl għall-Belġju biex għalaq il-logħba 4-2.

Polonja 1   Olanda 2

Avolja ħarġu rebbieħa, l-Olanda spiċċaw fit-tieni post tal-grupp wara li l-Italja rebħu barra minn darhom għand il-Bożnja-Ħerzegovina. L-Olanda għelbu lill-Polonja 2-1, biss kienu l-Pollakki li fetħu l-iskor wara 6 minuti b’gowl ta’ Jozwiak. L-Olandiżi dawru l-logħba kwarta mit-tmiem meta Depay mill-penalty ġab id-draw, imbagħad Gini Wijnaldum skorja l-gowl tar-rebħa fl-84 minuta.

Bożnja-Ħerzegovina 0   Italja 2

Gowl f’kull taqsima wasslu lill-Italja għal rebħa fuq il-Bożnja-Ħerzegovina bl-iskor ta’ 2-0 biex b’hekk rebħu l-grupp. Kien Belotti li fetaħ l-iskor fit-22 minuta u sa tmiem l-ewwel taqsima l-Italja kienu 1-0 minn fuq. Berardi għalaq il-logħba fit-68 minuta bit-tieni gowl għal riżultat finali ta’ 2-0.

League B

Awstrija  1-1  Norveġja
Repubblika Ċeka  2-0  Slovakkja
Ungerija  2-0  Turkija
Irlanda  0-0  Bulgarija
Iżrael  1-0  Skozja
Irlanda ta’ Fuq  1-1  Rumanija
Serbja  5-0  Russja
Wales  3-1  Finlandja

League Ċ

Albanija  3-2  Belarus
Każakstan  1-2  Litwanja
Armenja  1-0  Maċedonja ta’ Fuq
Ġorġja  0-0  Estonja
Greċja  0-0  Slovenja
Kosovo  1-0  Moldova

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA