Futbol internazzjonali
UEFA Nations League: rebħa drammatika għal Malta fil-Latvja
Goal ta' Steve Borg fil-ħin miżjud jagħti l-ewwel rebħa fil-grupp lil Malta

UEFA NATIONS LEAGUE 2020/21

Latvja…….0

Malta……..1

Goal bir-ras ta’ Steve Borg fl-aħħar battuta tal-partita ta rebħa drammatika imma meritata lil Malta fuq il-Latvja llejla: l-ewwel waħda minn erba’ partiti fi Grupp 1 ta’ League D tal-UEFA Nations League.

Ir-rebħa fid-Daugava Stadium tal-kapitali tal-Latvja Riga hija wkoll l-ewwel waħda għal Malta fl-istorja fil-UEFA Nations League, u l-ewwel f’partita kompetittiva minn Ġunju 2013:  dakinhar 1-0 ukoll f’partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fl-Armenja.

Il-coach Devis Mangia llejla għamel tliet bidliet mill-ħdax li bdew kontra Andorra tlitt ijiem ilu: b’Matthew Guillaumier, Luke Montebello u Kurt Shaw minflok Steve Pisani, Jurgen Degabriele u Zach Muscat.

Wara 40 sekonda diġà l-ewwel periklu għal Malta: b’xorti tajba iżda Davis Ikaunieks tefa’ barra. Reazzjoni tajba mill-Maltin b’danakollu li sfurzaw tliet corners konsekuttivi: u fid-9 minuta xutt tajjeb ta’ Paul Mbong mid-distanza għadda għoli. Il-logħob beda jalterna minn naħa għal oħra: Camenzuli mblokka fil-ħin fuq Zjuzins: qabel Teuma seraq ballun f’nofs il-ground, avvanza u xxuttja minn tarf il-kaxxa imma l-mira kienet ħażina. Minuta wara kien Davis Ikaunieks li ħarab waħdu fuq in-naħa l-oħra imma l-konklużjoni mkaxkra tiegħu għaddiet ftit barra: imbagħad kellu jkun Bonello li salva tajjeb għal corner fuq xutt b’saħħtu ta’ Savaļnieks.

L-ebda skor sal-ewwel taqsima. Sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni waħda ċans kbir għal Camenzuli imma żmarkat quddiem il-lasta mill-kross perfett ta’ Teuma ra lill-goalkeeper Steinbors b’xi mod jilqa’. Ħames minuti wara reġa’ kien Steinbors li bil-ponot ta’ subgħajh għolla x-xutt minn barra ta’ Gambin fuq il-mimduda. Ftit wara s-siegħa logħob: ħarba tajba ta’ Gambin imma l-aħħar kross lejn Montebello kien antiċipat minn difensur avvversarju. Kien imiss lil Bonello li ħtieġlu jkun attent fuq xutt ta’Ķigurs. Żewġ minuti fil-ħin miżjud daqqa ta’ ras ta’ Steve Borg minn azzjoni ta’ corner marret barra: imma fis-seba’ minuta mill-ħamsa mogħtija żejda mir-referee, id-difensur Malti ma żbaljax meta għola perfett u sammar fix-xibka bir-ras mill-freekick daqstant perfett tas-sostitut Steve Pisani. Indeskrivibbli l-ferħ tal-players, sostituti u l-istaff tekniku Malti kollu għall-goal u t-tisfira finali li waslet immedjatament wara: skor finali Latvja 0 Malta 1: Malta titla’ fit-tieni post tal-grupp b’ħames punti minn erba’ logħbiet: tnejn inqas mill-Gżejjer Faroe imma b’partita iktar.

Malta jmissha l-aħħar żewġ impenji fil-grupp home ma’ Andorra u l-Gżejjer Faroe ix-xahar id-dieħel.

It-team Malti lagħab b’din il-formazzjoni:

Henry Bonello (GK), Ryan Camenzuli, Steve Borg, Andrei Agius (captain), Matthew Guillaumier, Joseph Mbong, Luke Montebello, Kurt Shaw, Teddy Teuma (Steve Pisani 75′), Paul Mbong (Jurgen Degabriele 69′), Luke Gambin (Jake Grech 89′)

Coach: Devis Mangia

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.