Futbol internazzjonali
UEFA Nations League: Spanja jagħtu tkaxkira lill-Ġermanja, rebħiet għal Franza u l-Portugall

Spanja 6   Ġermanja 0

Spanja rebħet Grupp 4 ta’ League A meta fl-Estadio de La Cartuja ta’ Sevilla kaxkru lill-Ġermanja b’rebħa kbira ta’ 6-0. F’dan il-konfront eċċella l-Ispanjol Ferran Torres li skorja hat-trick, b’gowl fl-ewwel taqsima u tnejn oħra fit-tieni waħda. Kien Alvaro Morata li fetaħ l-iskor mas-17-il minuta, b’Torres għamilhom tnejn fit-33 minuta. Rodri għamilhom 3-0 mat-38 minuta biex sal-ewwel taqsima l-Ispanjoli kienu diġà bi tliet gowls vantaġġ.

Fit-tieni taqsima Torres reġa’ sab ix-xibka darbtejn, fil-55 u fil-71 minuta biex għamel l-iskor 5-0, b’Oyarzabal jagħlaq il-logħba 6-0 għal Spanja fid-89 minuta.

 

Franza 4   Żvezja 2

Franza baqgħu mhux megħluba fi Grupp 3 ta’ League A meta għelbu lill-Iżvezja bl-iskor ta’ 4-2. Kienu l-Iżvediżi li fetħu l-iskor kmieni fil-logħba għaliex wara biss 4 minuti Claesson tefa’ fix-xibka biex għamel l-iskor 1-0. Olivier Giroud ġab id-draw għal Franza mal-kwarta logħob u Pavard tefagħhom għall-ewwel darba fil-vantaġġ fis-36 minuta.

Giroud skorja d-doppjetta personali fid-59 minuta biex għamilhom 3-1, bl-Iżvediżi jerġgħu jidħlu fil-logħba fit-88 minuta b’gowl ta’ Quaison. Coman għamel ċert li jissiġilla t-tliet punti mal-ħames minuta fuq il-ħin regolamentari b’gowl li għamel ir-riżultat 4-2.

Kroazja 2   Portugall 3

Il-Portugall spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp 3 f’League A b’rebħa kontra l-Kroazja 3-2. Il-Kroati min-naħa tagħhom kellhom edizzjoni tal-UEFA Nations League pjuttost diżappuntanti, bi tliet telfiet fl-aħħar tliet logħbiet, fejn minn sitt logħbiet tilfu ħamsa. Il-Kroati fetħu l-iskor f’dan il-konfront man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Kovacic u sal-ewwel taqsima l-iskor kien 1-0.

Il-logħba daret ta’ taħt fuq mat-tkeċċija ta’ Rog fil-51 minuta b’żewġ karti sofor, u minuta wara l-Portugall ġabu d-draw b’gowl ta’ Dias. It-tieni wieħed tal-Portugiżi wasal minn Joao Felix mas-siegħa logħob, b’Kovacic jiskorja doppjetta personali fil-65 minuta biex għamel l-iskor 2-2. Dias skorja l-gowl rebbieħ għall-Portugall mad-90 minuta biex b’hekk anke hu skorja tnejn.

F’logħbiet oħra:

Lussemburgu  0-0  Ażerbajġan
Montenegro  4-0  Ċipru
Andorra  0-5  Latvja
Ġibiltà  1-1  Liechtenstein
MALTA  1-1  Gżejjer Faroe

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA