UEL – Jirbħu Liverpool, Everton u Napoli…..Inter dro f’logħba mill-isbaħ

Mir-rawnd tal-aħħar 32, fl-ewwel leg diversi riżultati interessanti, bit-tieni leg jintlagħab il-ġimgħa d-dieħla. Rebħiet għat-timijiet ta’ Everton, Liverpool u Napoli, filwaqt li f’waħda mill-isbaħ logħbiet tal-Ħamis filgħaxija Inter ġew dro għand Celtic 3-3.

 

Ajax 1 – 0 Legia Warsaw

Ajax jirbħu f’darhom kontra t-tim ta’ Legia Warsaw, bil-gowl ta’ Milik fil-35 minuta jkun id-differenza bejn iż-żewġ timijiet.
Anderlecht 0 – 0 Dinamo Moscow

Ir-Russi spiċċaw bi plejer anqas għall-aħħar kwarta tal-konfront meta tkeċċa Buttner għat-tieni karta safra. Din it-tkeċċija m’affettwatx daqshekk lil Dinamo Moscow li rnexxielhom iżommu l-iskor indaqs u kollox għadu miftuħ għall-ġimgħa d-dieħla.
Celtic 3 – 3 Inter

Konfront mill-isbaħ fl-Iskozja, bit-tim ta’ Celtic iħalli għall-aħħar sekondi tal-konfront sabiex iġib id-dro, f’logħba li ntemet 3-3. Inter fetħu żewġ gowls vantaġġ sal-ewwel tlettax-il minuta, mela l-ewwel Shaqiri mbagħad Palacio poġġew lit-tim Taljan f’pożizzjoni komda. Imma f’temp ta’ żewġ minuti, Armstrong ta’ Celtic skorja doppjetta, fl-24 u fis-26 minuta biex għamel l-iskor momentarjament indaqs. Eżatt qabel il-mistrieħ Palacio skorja t-tieni wieħed għalih u t-tielet wieħed għal Inter. U meta kollox deher li Inter kienu se joħorġu rebbieħa, fit-tielet minuta fuq il-ħin regolamentari Guidetti tefa’ fix-xibka biex reġa’ ġab ir-riżultat indaqs f’dan il-konfront.
Guingamp 2 – 1 Dinamo Kiev

Guingamp ħadu rebħa importanti f’darhom kontra Dinamo Kiev bl-iskor ta’ 2-1, wara li għal taqsima sħiħa lagħbu kontra d-9 plejers tat-tim ta’ Dinamo Kiev. Dinamo fil-vantaġġ wara 19-il minuta meta skorja Veloso, imma mbagħad it-tim Ukren spiċċa jilgħab b’disgħa sa tmiem l-ewwel taqsima. Kienu żewġ karti ħomor diretti għal Yarmolenko fid-39 minuta u Belhanda eżatt qabel il-mistrieħ. Il-pressjoni ta’ Guingamp kontra 9 plejers tat il-frott fit-72 minuta meta Beauvue rnexxielu jġib il-gowl tad-dro. U tliet minuti wara Diallo tefa’ lit-tim Franċiż għall-ewwel darba fil-vantaġġ.
Liverpool 1 – 0 Besiktas

Kellu jkun gowl mill-ħdax-il metru fl-aħħar ħames minuti tal-konfront minn Balotelli biex ta rebħa lil Liverpool f’Anfield kontra Besiktas. Għalkemm ir-Reds kienu superjuri matul id-90 minuta, batew biex sabu x-xibka, bit-tim ta’ Besiktas jiddefendu b’abilita’ kbira.
Sevilla 1 – 0 Borussia Moenchengladbach

Sevilla f’darhom rebħu lill-Ġermaniżi ta’ Borussia Moenchengladbach bl-iskor ta’ 1-0. Kien Iborra li fis-70 minuta tefa’ lil Sevilla minn fuq u dak kellu jkun il-gowl importanti li jiddeċiedi l-konfront.
Tottenham 1 – 1 Fioretina

Dro f’White Hart Lane bejn Tottenham u Fioretina bl-iskor ta’ 1-1. Kien Soldado li tefa’ lill-Ispurs fil-vantaġġ wara biss 6 minuti, imma Basanta ġab id-dro għall-Vjola fis-36 minuta. Il-logħba baqgħet waħda movimentata anke fit-tieni taqsima, biż-żewġ naħat jeliminaw l-attakki ta’ xulxin.
Villareal 2 – 1 Red Bull Salzburg

Rebħa għall-Ispanjoli ta’ Villareal bl-iskor ta’ 2-1 fuq l-Awstrijaċi ta’ Red Bull Salzburg. Villareal minn fuq b’gowl ta’ Uche fit-32 minuta, b’Salzburg iġibu d-dro permezz ta’ Soriano mill-ħdax-il metru fit-48 minuta. Cheryshev reġa’ poġġa lil Villareal fil-vantaġġ b’gowl fl-54 minuta.
Aalborg 1 – 3 Club Brugge

Club Brugge barra minn darhom ħadu rebħa konvinċenti fuq Aalborg bl-iskor ta’ 3-1. Oulare poġġa lil Club Brugge fil-vantaġġ fil-25 minuta, b’Rafaelov jagħmilhom tnejn erba’ minuti wara. Awto-gowl ta’ Petersen mas-siegħa logħob għamilhom 3-0, b’Helenius inaqqas id-distakk mill-ħdax-il metru fil-71 minuta.
Young Boys 1 – 4 Everton

Everton ukoll kellhom lejla tajba fl-Iżvizzera meta rebħu lil Young Boys bl-iskor ta’ 4-1, biex prattikament għandhom sieq ġewwa mal-aħħar sittax. Kienu Young Boys li fetħu l-iskor permezz ta’ Hoarau mal-10 minuta, gowl li ġab f’tagħhom lit-Toffees li għamlu l-iskor indaqs fl-24 minuta b’gowl ta’ Lukaku. Erba’ minuti wara Coleman tefa’ lil Everton minn fuq, b’Lukaku jiskorja d-doppjetta fid-39 minuta. Lukaku għaqqad il-hat trick b’gowl fit-58 minuta. L-aħħar nofs siegħa t-Toffees lagħbuha b’10 plejers meta tkeċċa Stones.
Trabzonspor 0 – 4 Napoli

Napoli rebħu 4-0 għand Trabzonspor, fejn prattikament għalqu l-logħba sal-ewwel nofs siegħa. Henrique fetaħ l-iskor wara 6 minuti, Higuain għamilhom tnejn fl-20 minuta u Gabbiadini skorja t-tielet fis-27 minuta. Zapata skorja r-raba’ wieħed fit-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari.
PSV 0 – 1 Zenit

PSV f’darhom megħluba minn Zenit, b’gowl wieħed skurjat minn Hulk fl-64 minuta, b’konfront li għadu wisq ‘il bogħod milli Zenit iserrħu rashom milli jgħaddu mal-aħħar sittax.
Roma 1 – 1 Feyenoord

Diżappunt għal Roma fl-Olimpico meta ħadu biss dro kontra Feyenoord, f’riżultat ta’ 1-1. Roma minn fuq b’gowl ta’ Gervinho fit-22 minuta, ima l-Olandiżi ġabu d-dro fil-55 minuta b’gowl ta’ Kazim-Richards.
Torino 2 – 2 Athletic Club

Diżappunt ukoll għal Torino, meta f’darhom kienu miżmuma fi dro ta’ 2-2 minn Athletic Club. L-Ispanjoli marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Williams wara 9 minuti, imma Lopez ġab id-dro għal Torino fit-18-il minuta. L-istess Lopez tefa’ lit-Taljani fil-vantaġġ fit-42 minuta, imma Gurpegi ġab id-droi għal Athletic Club fit-73 minuta.
Dnipro 2 – 0 Olympiakos

Dnipro rebħu fuq Olympiakos bl-iskor ta’ 2-0, f’riżultat li jista’ jkun importanti ħafna l-ġimgħa d-dieħla. Kankava fetaħ l-iskor fil-50 minuta, b’Rotan jiskorja t-tieni erba’ minuti wara.
Wolfsburg 2 – 0 Sporting

Il-Ġermaniżi ta’ Wolfsburg rebħu 2-0 fuq Sporting, b’żewġ gowls fit-tieni taqsima minn Dost, li skorja fl-46 u fit-63 minuta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Premier League Ingliż: Żewġ partiti llum bit-tieni waħda tkun dik l-aktar mistennija f’Anfield bejn Liverpool u Manchester United. Liverpool għelbu lil Manchester United fil-partita tal-ġurnata f’Anfield bi skor ta’ 2-0….

Futbol internazzjonali

Kampjonat Taljan, Serie A: Partiti li ntlagħbu llum wara nofsinhar. Rebħa drammatika għal Milan kontra Udinese bi skor ta’ 3-2. Il Friullani fil-vantaġġ b’gowl ta’ Larsen wara 6 minuti. Milan…

Futbol internazzjonali

Programm sħiħ ta’ partiti llum wara nofsinhar. Draw ta’ 1-1 bejn Arsenal u Sheffield United. Martinelli fetaħ l-iskor eżatt qabel il-mistrieħ u John Fleck ġab il-gowl tad-draw fit-83 minuta. Bl-istess…

Inter iffirmaw lill-plejer Ingliż u captain ta’ Manchester United Ashley Young. Id-difensur ingħata sitt xhur kuntratt b’opzjoni li jiġġedded għal staġun ieħor. Young se jkun qed jingħaqad ma’ Romelu Lukaku…

Aktar