X

US Open – Djokovic kontra Del Potro fil-finali

Rafael Nadal, of Spain, walks away from Juan Martin del Potro, of Argentina, after Nadal retired from a match against del Potro during the semifinals of the U.S. Open tennis tournament, Friday, Sept. 7, 2018, in New York. (AP Photo/Seth Wenig)

Novak Djokovic ser ikun qiegħed jiltaqa’ ma’ Juan Martin del Potro fil-finali ta’ dan il-Grand Slam meta rnexxielu jegħleb lil Kei Nishikori 6-3, 6-4, 6-2. Matul il-logħba, iċ-ċampjin ta’ Wimbeldon ta’ din is-sena, Djokovic, ma tax nifs lil Nishikori biex b’hekk wasal għat-tmien finali tiegħu fi Flushing Meadows, kif ukoll irnexxielu jirrimedja għat-telfa kontra l-istess Ġappuniż fl-2014 fuq l-istess court. Wara li Djokovic irnexxielu jasal għat-tieni finali tiegħu konsekuttiva fi Grand Slam din is-sena, ifisser li bil-mod il-mod is-Serb ġej lura fl-aqwa tiegħu, għalkemm issa jrid joqgħod b’sebat elef għajn kontra l-Arġentin.

Min-naħa tiegħu Juan Martin del Potro kellu semifinali pjuttost sorprendenti meta fit-tieni set, iċ-ċampjin renjanti Rafael Nadal kellu jirtira minħabba uġiegħ f’irkopptu. Kienet evidenti l-frustrazzjoni fuq wiċċ Nadal sa mill-bidu tas-semifinali, u għalkemm prova jippersevera kontra l-Arġentin, ma felaħx aktar tant li kellu jirtira. L-ewwel set kien mirbuħ minn Del Potro 7-6, u filwaqt li t-tieni set spiċċa 6-2 favur l-Arġentin, Nadal deher ineħħi l-faxxa minn ma’ rasu u jgħid li ma jistax ikompli. Għal Juan Martin del Potro din ser tkun it-tieni finali fi Flushing Meadows wara li kien rebaħ il-US Open lura għall-2009.

Chris Falzon :Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.