
Markus Babbel, l-ex plejer tal-Bayern Munich, Liverpool u t-tim nazzjonali tal-Ġermanja, kellu kliem iebes fil-konfront ta’ Usain Bolt, l-aqwa sprinter ta’ kull żmien li beda karriera ġdida ta’ futboler.
Babbel, li fil-preżent hu l-kowċ ta’ Western Sydney Wanderers fl-istess League A fl-Awstralja fejn Bolt qiegħed bi prova ma’ Central Coast Mariners, qal:
“Rajtu jilgħab. U bir-rispett kollu lejh, lanqas f’100 sena mhu se jirnexxielhu jsir plejer tal-futbol professjonali.”
Il-Ġamajkan irrifjuta li jingħaqad ma’ Valletta FC, iċ-champions tal-futbol Malti, b’sentejn kuntratt u dan kien anki kkonfermat mill-aġent tiegħu Ricky Simms.
Babbel kompla jgħid li Bolt jista’ jkun essenzjali biss għal kull klabb mil-lat ta’ marketing u dan bla dubju jgħin għall-popolarità tal-futbol Awstraljan.
“Imma fuq il-kumplament ma tistax tieħdu bis-serjetà,” temm Babbel.
L-istaġun tal-futbol fl-Awstralja jibda l-Ġimgħa.
L-istorja ħarġet biha lbieraħ il-‘Gazzetta Dello Sport’. Ritratt tal-istorja qiegħed hawn taħt.
