Atletika
Usain Bolt ma jaqbilx mat-teknoloġija l-ġdida li qed tintuża fiż-żraben tal-ġiri

L-atleta Usain Bolt qal li l-avvanzi fit-teknoloġija spike qed ikunu tad-daħk u qed jagħtu vantaġġ inġust lil dawk li jużawhom fuq dawk li ma jużawhomx.  Bolt qal ukoll li hija bla sens li din it-teknoloġija hija immirata biex jinkisru r-rekords dinjija li stabbilixxa hu.

Sa ftit ta’ snin ilu, diversi atleti bdew jiksru rekord wieħed wara l-ieħor f’distanzi twal minħabba teknoloġija ġdida li bdiet tintuża fi żraben tal-ġiri. Minn hemmhekk it-teknoloġija mxiet b’avvanzi fuq spikes li jintużaw għall-isprints, li għalkemm fuq distanzi iqsar, xorta jistgħu jħallu mimpatt.

It-tmien darbiet champion Olimpiku qal li fil-passat diġà kien hemm kumpaniji li ppruvaw jużaw dit-tip ta’ teknoloġija imma ġew imwaqqfa, biss issa qegħdin jagħmluha u mhuwiex ġust fuq min ma jistax juża’ dawn iż-żraben.

Jidher li hemm stennija kbira għat-tellieqa tal-100 metru fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. L-Amerikan Trayvon Bromell qed jissemma’ bħala l-atleta li mhux biss għandu ċans kbir jirbaħ it-tellieqa, imma li saħansitra jikser ir-rekord t’Usain Bolt. Matul din is-sena kien l-aktar atleta veloċi fil-100 metru b’ħin ta’ 9.77 sekondi.

Jidher li fil-preżent hemm ġlieda teknoloġika bejn Nike, New Balance u Puma, b’tal-ewwel qegħdin jgħidu li ser jiddominaw l-Olimpjadi b’teknoloġija ġdida.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA