Futbol internazzjonali
Valencia jkeċċu lill-kowċ Albert Celades

Valencia keċċew lill-kowċ Albert Celades wara żewġ telfiet konsekuttivi li qed jipperikolawlhom iċ-ċans li jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej fl-istaġun li ġej. Minn meta rritorna l-istaġun, Valencia ġabru 4 punti minn ħames logħbiet, fejn rebħu waħda, oħra ġew draw u tilfu tlieta. Wara ż-żewġ telfiet konsekuttivi kontra Eibar u Villarreal, Valencia issa niżlu fit-tmien post tal-klassifika b’46 punt, tmien punti ‘l bogħod minn Sevilla li jinsabu fir-raba’ post, meta fadal biss sitt logħbiet għal tmiem l-istaġun.

Il-kowċ Celades ma rnexxilux ikampa staġun sħiħ għax kien f’Settembru 2019 li ħa lit-tim f’idejh mingħand Marcelino. Din kienet l-ewwel esperjenza għal Celades li jmexxi tim hu, għaliex sa Settembru kien mexxa lit-tim nazzjonali Spanjol taż-żgħażagħ kif ukoll kien l-assistent ta’ Julen Lopetegui kemm ma’ Real Madrid kif ukoll mat-tim nazzjonali.

Valencia issa jridu jfittxu kowċ ġdid malajr kemm jista’ jkun bit-tama li jiġbru l-fdalijiet ta’ staġun li jista’ jirriżulta f’wieħed diżappuntanti jekk kemm-il darba ma jirnexxilhomx jakkwistaw post fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA