Futbol lokali
Valletta bi protest dwar il-logħba ma’ Sliema Wanderers – qed jikkontendu li plejer internazzjonali suppost kien kwarantina

Illum waranofsinhar Valletta daħħlu protest fl-uffiċini tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol relatat mal-aħħar logħba tal-Kampjonat BOV Premier kontra Sliema Wanderers. Il-Beltin tilfu l-konfront 1-2, bil-Wanderers jieħdu l-ewwel rebħa tal-istaġun.

Jidher li l-Beltin qed jipprotestaw li Warsama Hassan suppost kien kwarantina u mhux fil-grawnd. It-tmexxija ta’ Valletta qed tikkontendi li Hassan, li fit-12 ta’ Novembru lagħab logħba sħiħa ma’ Djibouti kontra l-Alġerija, suppost kien għadu kwarantina minħabba li ma kenux għaddew l-14-il ġurnata minn meta rritorna lura.

Hassan mar jirrappreżenta lil pajjiżu f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 tal-kontinent Afrikan, b’Djibouti jitilfu 0-4 kontra l-Alġerija. Il-konfront intlagħab fl-Istadium Nazzjonali tal-Kajr, u inċidentalment l-Eġittu jinsab fiż-żona l-ħamra skura.

Il-Beltin qed jikkontendu li minħabba li Hassan kien il-Kajr, allura l-plejer suppost għandu kwarantina għallinqas sas-27 ta’ dan ix-xahar.

Il-kowċ Andrea Pisanu utilizza lil Hassan fl-aħħar minuti tal-konfront meta daħal minflok Gabriel Aquilina.

Ikkuntattjata minn TVM Sport, it-tmexxija tal-Wanderers ma xtaqitx tikkummenta dwar dan il-każ fil-mument.

Skont ir-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, Djibouti huwa pajjiż fiż-żona l-ħamra, biss jekk persuna tagħmel 14-il ġurnata f’pajjiż simili, allura ma jkunx hemm għalfejn toqgħod kwarantina la tirritorna lura f’pajjiż ieħor, jekk kemm-il darba ma tkunx għaddiet minn pajjiż f’żona ħamra skura fil-proċess. Min-naħa l-oħra, l-Eġittu jinsab fil-lista ħamra skura ta’ pajjiżi li jekk persuna tkun ġejja minnhom trid toqgħod kwarantina.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA