Futbol lokali
FILMAT: Valletta FC Champions 2018/19…. il-25 darba fl-istorja tal-Football Malti

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19

DECIDER GĦAR-REBĦ TAL-KAMPJONAT 

Valletta……..2 (4)

Hibernians…2 (2)

(Wara l-għoti tal-penalties)

Valletta rebħu t-tieni kampjonat konsekuttiv meta fl-Istadium Nazzjonali huma rebħu d-decider kontra Hibernians bil-penalties, għaliex wara li sad-90 minuta r-riżultat kien dak ta’ 1-1, fil-ħin barrani skurjaw gowl fuq kull naħa u sal-120 minuta l-logħba ntemmet 2-2. Biss fil-penalties, Valletta rnexxilhom jiskurjaw 4 kontra t-2 ta’ Hibernians u b’hekk rebħu l-25 kampjonat fl-istorja tagħhom, suċċess daqs Floriana 25 u wieħed biss inqas mit-tim ta’ Sliema Wds li rebħu 26.

Dan kien il-konfront li niżżel is-siparju fuq il-Kampjonat BOV Premier għal dan l-istaġun. Dan kien il-konfront li l-Beltin ma xtaqux u li l-Pawlisti ttamaw fih sabiex ikollhom ċans ieħor. Fiż-żewġ logħbiet ta’ qabel, rebħa fuq kull naħa, dejjem bl-iskor identiku ta’ 2-1.

Il-coach Belti Gilbert Agius kellu jagħmel żewġ bidliet mill-ewwel ħdax li bdew fil-konfront tad-draw kontra l-Ħamrun, meta Jean Borg u Bojan Kaljevic ħadu post is-sospiż Joseph Zerafa u Ryan Camilleri li beda fuq il-bank. Fuq in-naħa l-oħra, il-coach Pawlist Stefano Sanderra wkoll għamel żewġ bidliet mit-tim li beda fir-rebħa kbira kontra Balzan, meta Nemanja Radojevic u Bjorn Kristensen ħadu post Marcelo Dias li weġġa’ fl-aħħar logħba u Dunstan Vella li beda fuq il-bank.

Mal-ewwel azzjoni perikoluża Hibernians marru fil-vantaġġ. Kienu għaddew 12-il minuta meta Ntow avvanza mix-xellug u dendel cross li sab lil Taylon Nico Marcolino li bir-ras niżżel wara Bonello għal 1-0. Reazzjoni minn Valletta fit-18-il minuta meta Malano ttanta xutt għal ġewwa li laqat wiċċ id-difensur Pawlist, bil-Beltin jgħajtu għall-penalty imma r-referee Spiteri korrettament ipponta subgħajh lejn il-bandiera tal-corner. Fid-19-il minuta żball fid-difiża Beltija li minnu approfitta Marcolino li qassam lejn Grech, li prattikament waħdu quddiem Bonello ra l-goalkeeper Belti jtajjar il-ballun b’abilità. Fuq in-naħa l-oħra, fit-22 minuta kien Alba li tefa’ l-ballun lejn Nwoko li prova jitfa’ ġewwa imma Jovicic salva u fid-29 minuta Bonello ta’ Valletta kellu jkun attent biex tajjar ix-xutt angolat ta’ Ntow. Fl-34 minuta Valletta kellhom ċans ieħor li forsi jġibu d-draw imma l-freekick t’Alba kien pjuttost ċentrali u Jovicic salva bla wisq diffikultà, u mal-ewwel minuta tal-ħin addizzjonali tal-ewwel taqsima l-goalkeeper Pawlist kien strumentali biex żamm il-lasta intatta. Il-freekick ta’ Valletta ngħata minn Malano li iżda spiċċa ġol-barriera, b’xi mod il-ballun wasal għand Nwoko imma qabel ikkonkluda ħareġ Jovicic biex tajjar il-ballun, u mat-tielet minuta fuq il-ħin kien Fontanella li prova xortih imma għal darb’oħra l-goalkeeper ta’ Hibernians salva.

Fl-54 minuta Valletta resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs meta mill-cross t’Alba, Kaljevic prova jikkonkludi imma d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet imtajra minn Jovecic. Biss il-pressjoni ta’ Valletta sarrfet fil-gowl tad-draw fid-59 minuta meta mill-corner t’Alba, Kaljevic prova għal ġewwa imma sab lil Jovecic itajjarlu l-ballun, Nwoko prova jitfa’ ġewwa imma l-ballun ħabat mal-mimduda, sakemm wasal f’saqajn Jonathan Caruana li tefa’ fix-xibka għal 1-1. It-tim tal-kapitali baqa’ jippressa biex jipprova jmur fil-vantaġġ u fis-66 minuta Fontanella ttanta xortih imma sab lil Jovecic li tajjar il-periklu. U sad-90 minuta r-riżultat baqa’ 1-1, bil-logħba tmur għall-ħin barrani.

Fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani, eżattament fis-97 minuta, Valletta marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ. Kien Mario Fontanella li avvanza u rebaħ id-dwell ma’ Barbosa u tefa’ minn taħt Jovicic biex poġġa lill-Beltin 2-1 minn fuq.

Kienu l-118-il minuta u Hibernians ixxukkjaw lil Valletta. Kien Marco Sahanek li daħal tajjeb quddiem Bonello u minn qagħda angolata venven fix-xibka biex għamel l-iskor 2-2, bil-logħba tispiċċa bl-għoti tal-penalties.

Penalties

Marco Sahanek (HIB): 0-0 (il-ballun jaħbat mal-wieqfa)

Miguel Angel Alba (VLT):1-0

Jake Grech (HIB): 1-1

Santiago Malano (VLT): 2-1

Tiago Adan Fonseca (HIB): 2-2

Bogdan Gavrila (VLT): 3-2

Taylon Nico Marcolino (HIB): 3-2 (Bonello jilqa’)

Mario Fontanella (VLT): 4-2

Dan ma kienx l-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn għal dan l-istaġun, għaliex ser jerġgħu jaffaċċjaw lil xulxin nhar l-Erbgħa li ġej fil-kwartifinali tal-FA Trophy, biex min jirbaħ jilgħab fis-semifinali kontra Gżira United.

Riżultat finali: Valletta 2 (4)  Hibernians 2 (2). Referee: Malcolm Spiteri

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Manuele Blasi, l-ex plejer tas-Serie u tat-tim nazzjonali Taljan, mil-lum sar il-kowċ ta’ Hamrun Spartans FC. Blasi se jkun qed jibdel lil Giovanni Tedesco li ħalla l-kariga tiegħu biex ingħaqad…

Futbol lokali

Brandon Cassar, Nickolas Paris u Mattia Calleja huma tliet plejers li jiffurmaw parti mill-iskwadra ta’ taħt it-13-il sena ta’ Fgura United F.C. u li għadhom kif esperjenzaw erbat ijiem taħriġ fi Siena, fl-akkademja…

Futbol lokali

Giovanni Tedesco, l-ex kowċ ta’ Hamrun Spartans FC, mil-lum sar kowċ ta’ Gżira United FC. Tedesco ffirma kuntratt ta’ tliet snin li se jorbtu mal-klabb tal-Maroons sal-istaġun 2021/2022. Fi stqarrija…

Futbol lokali

Il-Gozo Football Association temmet uffiċjalment l-istaġun tal-futbol 2018/2019 bl-avveniment anwali tal-GFA Awards 2018 / 2019, fejn l-assoċjazzjoni ħabbret u ppreżentat l-unuri individwali f’diversi kategoriji ta’ kompetizjonijiet tal-futbol Għawdxi.  L-unuri ewlenin…

Aktar