X

Valletta FC Futsal jagħmluha għall-fażi li jmiss fil-UEFA Futsal Champions League

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-bandiera Maltija se tibqa tidher fil-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League u din id-darba bis-saħħa ta’ Valletta FC Futsal. Il-Beltin wara li rebħu l-ewwel żewġ logħbiet tar-rawnd preliminari, rebħu wkoll l-aħħar u l-iktar logħba deċiżiva kontra t-tim ospitant ta’ Veles tal-Maċedonja.

Veles irnexxielhom jiftħu l-iskor wara tmien minuti u nofs logħob permezz ta’ Igor Stojkovski. Madanakollu l-Beltin immedjatament dawru l-iskor, b’doppjetta fis-sittax u fis-sbatax-il minuta, permezz tal-Kolumbjan Camilo Gomez. B’hekk il-Beltin daħlu għall-mistrieħ 2-1 minn fuq.

Valletta ħarġu ferm determinati fit-tieni taqsima u skurjaw żewġ gowls fl-ewwel żewġ minuti, permezz tal-Ispanjol Yerai Hernandez Gutierrez u l-Ġorġjan Murtaz Kakabadze. Minkejja li Veles naqqsu d-distakk fil-25 minuta permezz ta’ Zoran Leveski, ftit wara t-Taljan Denis Di Maio għamel l-iskor parzjali għal 5-2. Ftit tas-sekondi wara Darko Rangotov skurja t-tielet gowl għal Veles.

Ħames minuti mit-tmiem, Zoran Leveski għaqqad doppjetta personali biex niżżel id-distakk għal 5-4. Kien hawn li Veles ħadu r-riskju, tefgħu kollox fuq l-attakk u bdew jilagħbu bil-flying keeper. Min-naħa l-oħra Valletta ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni u Camilo Gomez għaqqad it-tripletta personali u għamilhom 6-4.

L-aħħar parti tal-logħba kompliet tkun eċċitanti u drammatika, hekk kif Aleksander Gligorov skorja mill-ewwel min-nofs il-grawnd u qawwa t-tamiet tat-tim ospitant. Kellu jkun il-gowlkiper Belti Tornike Bukja li qabad ballun u skurja minn lasta għall-oħra biex għamel l-iskor 7-5. Fl-aħħar għaxar sekondi, Yerai Hernandez Gutierrez ukoll kellu doppjetta personali u ssiġilla r-rebħa li kienet tfisser kwalifikazzjoni meritata għal Valletta FC Futsal.