Futbol lokali
Valletta jagħmlu d-double – jirbħu anke l-FA Trophy, l-14 il-waħda fl-istorja

FA TROPHY FINALI 2017/18

Birkirkara…..1

Valletta………2

Valletta rebħu l-14-il FA Trophy fl-istorja tagħhom meta fl-Istadium Nazzjonali huma għelbu lil Birkirkara 2-1 fil-finali quddiem ftit aktar minn 7,000 spettatur. Din kienet is-27 darba li l-Beltin waslu s’hawnhekk, 14-il darba ħarġu rebbieħa u 13-il darba kienu fuq in-naħa telliefa. Għall-Karkariżi din kienet il-11-il finali, is-sitt telfa għalihom f’dan l-istadju.

Birkirkara waslu sal-finali f’dan l-istaġun billi l-ewwel għelbu lil Santa Luċija fit-tielet rawnd, wara kellhom jitħabtu biex għelbu lil San Ġwann fil-ħin barrani u fil-kwartifinali eliminaw lit-tim tal-Qrendi. Fis-semifinali mbagħad xejnu l-isfida ta’ Sliema Wanderers meta rebħulhom bl-għoti tal-penalties. Għall-Beltin l-ewwel intopp kienu Senglea A. fit-tielet rawnd, imbagħad eliminaw lil Pieta’ H., fil-kwartifinali xejnu l-isfida ta’ Żejtun C. u fis-semifinali ġew minn goal minn taħt biex għelbu lil Balzan u għamluha għall-finali.

Għal dan il-konfront, il-kowċ Paul Zammit għamel żewġ bidliet mill-ewwel ħdax li bdew kontra Sliema Wanderers fis-semifinali, meta rritornaw il-captain Nikola Vukanac u Carlos Alberto Da Silva Goncalves Junior wara sospensjoni, u ħadu post Ognjen Rolovic li beda fuq il-bank u Lucas Maia li lanqas kien mgħajjat mat-tmintax. Għall-kowċ Belti Danilo Doncic, bidla waħda mill-formazzjoni inizjali li bdiet kontra Balzan, meta Juan Gill Cruz ħa post is-sospiż Steve Borg.

L-ewwel azzjoni waslet minn Valletta fl-14-il minuta meta wara li l-ballun kien maqlugħ mid-difiża Karkariża, dan wasal f’saqajn Alba li prova mid-distanza imma Naumovski ma kellux problema jsalva. Fid-19-il minuta reġgħu kienu Valletta, din id-darba permezz ta’ Piciollo li anke hu prova mid-distanza, imma l-ballun għadda ftit għoli mill-mimduda. 21 minuta u Naumovski kien is-salvatur tal-Karkariżi meta wara żball difensiv approfitta Alba li daħal quddiem il-goaler u minn qagħda angolata prova għal ġewwa imma sab lill-Maċedonjan li tajjarlu t-tentattiv tiegħu. Fit-28 minuta għal darb’oħra Naumovski wera l-aħjar tiegħu meta Pena Beltre seraq ballun fi tliet kwarti ta’ grawnd, avvanza, qassam lil Malano li fuq il-ġirja daħal kważi fil-kaxxa ż-żgħira imma x-xutt tiegħu kien imtajjar mill-goaler Karkariż. Fl-34 minuta kien Nwoko li prova minn barra l-kaxxa wara li rċieva mingħand Piciollo, imma Naumovski tajjar il-periklu. Mal-41 minuta Valletta rnexxilhom isibu x-xibka. Kien il-corner t’Alba, Kyrian Nwoko għola tajjeb fuq kulħadd u bir-ras tefa’ fir-rokna tax-xibka għal 1-0. Reazzjoni minn Birkirkara eżatt qabel il-mistrieħ meta Goncalves Junior dendel cross biex jipprova jsib lil Acosta, imma ħareġ tajjeb Bonello biex jilqa’ l-ballun. Valletta kienu sfortunati li m’għamluhomx tnejn qabel il-mistrieħ meta fl-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari, l-ex Birkirkara Zerafa prova xutt li għeleb lil Naumovski imma ħabat mal-wieqfa u l-azzjoni ntilfet fix-xejn.

Fis-63 minuta azzjoni tajba maħduma bejn Herrera u Acosta Ferreira, b’tal-aħhar jipprova xutt li iżda kien imtajjar minn Bonello. Fit-78 minuta Valletta għalqu l-logħba. Kien il-pass ħażin ta’ Attard, approfitta Santiago Malano li baqa’ dieħel fil-kaxxa u tefa’ wara Naumovski għal 2-0. Ċans ieħor għal Valletta fit-83 minuta meta Saleh approfitta mill-iżball ta’ Zammit, avvanz, daħal quddiem Naumovski, imma l-goaler Karkariż kien tajjeb biex ħareġ jinnewtralizza. Mas-87 minuta Birkirkara naqqsu d-distakk. Kien il-freekick tas-sostitut Ognjen Rolovic li deher jiddevja ftit, qarraq bil-goaler Bonello u spiċċa fix-xibka għal 2-1. Mat-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari l-Karkariżi kellhom freekick minn qagħda ideali, iżda Rolovic ra x-xutt tiegħu iħokk mas-saqaf tax-xibka minn barra.

Riżultat finali: Birkirkara 1  Valletta 2.

Referee: Alan Mario Sant

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Vic Hermans ġie ppreżentat illum mill-MFA bħala l-kowċ Nazzjonali tal-Futsal. Din se tkun it-tieni esperjenza għal Vic Hermans bħala kowċ tat-team Nazzjonali tal-Futsal wara li fil-passat hu kien diġa’ mexxa…

Futbol lokali

Fi tmiem il-ġimgħa rebħiet simili ta’ 1-0 għal San Ġwann u Mqabba rispettivament fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Convenience Shop Pre Season Tournament. Fit-tielet ġurnata ta’ dan it-Tournament li qed jikkompetu…

Futbol lokali

Steve D’Amato, l-ex kowċ ta’ Hamrun Spartans, Mosta, Rabat Ajax u Senglea Athletic, fis-sigħat li ġejjin mistenni jinħatar kowċ ta’ Naxxar Lions. Sorsi ta’ TVM Sport jikkonfermaw li l-klabb Naxxari…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19 Tarxien …….1 Gżira………..4 Victor Tedesco Stadium, Ħamrun Gżira fetħu il-kampjonat b’rebħa konvinċenti hekk kif għelbu lil Tarxien, bla dubju Gżira kienu aħjar tul id-90 minuta bit-team…

Aktar