Futbol internazzjonali
Victor Font jgħid li ser jagħmel minn kollox biex iżomm lil Messi ma’ Barcelona

Il-kandidat għall-kariga Presidenzjali ta’ Barcelona, Victor Font, qal li Lionel Messi hemm bżonn li jibqa’ mal-klabb Katalan sabiex jibqa’ jmexxi lit-tim għall-kumplament tal-karriera tiegħu. Is-sitt darbiet champion tal-Player tas-Sena u l-aqwa skorer għal Barcelona, kien viċin ħafna li jħalli lill-klabb matul is-sajf li għadda meta r-relazzjoni bejnu u bejn il-President ta’ dakinhar Josep Maria Bartomeu marret mill-ħażin għall-agħar. Messi saħansitra wasal biex jibgħat ittra permezz tal-avukati tiegħu fejn fiha wera x-xewqa li jħalli lill-klabb li ilu miegħu mindu kellu 13-il sena.

U għalkemm Bartomeu rnexxilu jikkonvinċi lil Messi sabiex jibqa’ mal-klabb, l-ex President spiċċa kellu jirreżenja, filwaqt li l-Arġentin għadu ma ffirmax kuntratt ġdid u allura jista’ jħalli lil Barcelona b’xejn is-sajf li ġej. Il-kandidat Presidenzjali Victor Font kien wieħed mill-aktar voċiferi kontra Bartomeu u qiegħed jissemma’ li għandu ċans kbir li jirbaħ it-tellieqa fl-elezzjoni li ser issir fl-24 ta’ Jannar 2021.

Skont Font, Barcelona għandhom għax iħossuhom fortunati li għandhom lill-aqwa plejer tad-dinja u jekk kemm-il darba Messi jħalli lill-klabb mhux ser tkun faċli biex jinstab plejer tajjeb daqsu, għax huwa l-aqwa plejer tal-mument. Victor Font ilu jipponta għall-kariga presidenzjali seba’ snin, u issa li jinsab tant viċin qiegħed iwiegħed azzjonijiet li mistenni jieħu ġaladarba jkun fil-kariga. Waħda mid-deċiżjonijiet li diġà semma’ li ser jieħu ser tkun l-għażla tal-kowċ, Xavi Hernandez, li dam 11-il sena mat-tim Katalan u għenhom jirbħu l-kampjonat seba’ darbiet u ċ-Champions League erba’ darbiet.

Barcelona huma l-aktar tim li jħallsu pagi fid-dinja, biss il-pandemija tal-Covid-19 heżżet lill-klabb mill-għeruq, tant li bħalissa hemm dejn ta’ €97 miljun. Font qiegħed jittama li l-imħabba li Messi għandu lejn Barcelona żżommu mal-klabb sa tmiem il-karriera tiegħu u qiegħed jittama wkoll li l-Arġentin jaċċetta li titnaqqaslu xi ftit il-paga meta jiffirma l-kuntratt il-ġdid.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA