Wara Walcott, issa Rodriguez ukoll se jitlef it-Tazza tad-Dinja mal-Ingilterra

Il-klabb tal-Barclays Premier League Southampton ħabbru li l-attakant Jay Rodriguez mistenni jagħmel madwar sitt xhur barra mill-azzjoni wara li weġġa rkopptu s-Sibt li għadda fit-telfa ta’ 4-1 li Southampton sofrew barra minn darhom kontra Manchester City.

Din l-aħbar kienet daqqa ta’ ħarta kbira għal plejer li kellu tamiet qawwijin li jagħmilha fl-iskwadra finali tat-23 plejer mal-Ingilterra għal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.

Testijiet matul il-jum tat-Tnejn ikkonfermaw li Rodriguez qata l-ligamenti ta’ rkopptu, u issa mhux mistenni lura fl-azzjoni qabel Settembru jew Ottubru li ġej.

Bla dubju sfortuna kbira għal dan il-plejer li tant issemma li jista jagħmilha fl-iskwadra finali Ingliża għat-Tazza tad-Dinja, u li iżda issa, x-xorti riedet li fil-jiem li ġejjin se jkun operat f’irkopptu qabel jibda ġimgħat twal ta’ rijabilitazzjoni.

Dan l-istaġun Rodriguez skorja 15-il gowl fil-Barclays Premier League u għamel id-debutt tiegħu bil-flokk nazzjonali Ingliż fil-Ħarifa li għaddiet kontra ċ-Ċili.

B’hekk Jay Rodriguez sar it-tieni plejer Ingliż li minħabba injury fit-tul se jitlef it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil għall-Ingilterra, dan wara li anke l-winger Theo Walcott għadda mill-istess xorti ħażina ta’ Rodriguez, meta f’Jannar li għadda f’logħba tal-FA Cup kontra Tottenham qata l-ligamenti ta’ rkopptu, u mhux mistenni jirritorna qabel Awwissu li ġej.

 

 

 

 

 

 

Miktub minn...
Rodney Vassallo