Waterpolo
Waterpolo: Ċans biex Malta tikteb l-Istorja u tikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej għat-tieni darba

It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo, għada l-Erbgħa se jkun qed iħalli pajjiżna lejn Split, il-Kroazja biex jieħu sehem fil-Len Europa Cup. Din il-ġimgħa, Malta tilgħab kontra s-Serbja l-Ħamis, kontra l-Olanda l-Ġimgħa, kontra l-Greċja s-Sibt u kontra l-Kroazja l-Ħadd li ġej.

Minkejja li l-avversarji huma tal-ogħla livell u ċ-ċansijiet tat-tim nazzjonali Malti huma limitati, dawn il-logħob se jkunu qed iservu bħala preparazzjoni għaż-żewġ partiti ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew li Malta trid tilgħab f’Minsk fl-24 ta’ Frar u fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq fit-3 ta’ Marzu, kontra l-Belarus.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fil-Pixxina Nazzjonali, Karl Izzo, kowċ nazzjonali ta’ Malta, jara lit-tim nazzjonali Malti b’50% ċans li jikkwalifika kontra l-Belarus biex għat-tieni darba nilagħbu fil-Kampjonati Ewropej li se jsiru f’Barcelona f’Lulju li ġej.

“Ngħid li ċ-ċansijiet tagħna li nirbħu lill-Belarus huma 50%. Forsi xi ftit aktar. Fiduċjuż li se nerġgħu nagħmluha”, qal Karl Izzo.

“Ilna ġimgħatejn għaddejjin bi preparazzjoni kbira sakemm tasal din il-partita. Irridu nagħmlu minn kollox. Għalina tista’ tkun aktar difficli minħabba l-fatt li Malta hu l-uniku pajjiż fejn il-kampjonat jintlagħab fis-sajf u f’dan iż-żmien, il-kampjonat tagħna se jkun wieqaf,” kompla l-kowċ nazzjonali.

Għal dawn il-partiti, Izzo għażel skwadra ta’ plejers żgħażagħ ma’ oħrajn ta’ esperjenza. Fit-tim nazzjonali se jkun hemm ħames plejers li kienu fl-iskwadra ta’ taħt id-19-il sena sa ftit taż-żmien ilu iżda imbagħad hemm ħames plejers oħra ta’ esperjenza kbira li saħansitra jilagħbu barra l-pajjiż.

“L-uniku plejer li xtaqtu jkun fit-tim u ma jistax kien Jerome Gabarretta. Jiddispjaċini ħafna li minħabba raġunijiet ta’ xogħol ma setax jagħmilha,” qal Karl Izzo.

Mistoqsi minn TVM Sport dwar kif jista’ jaffettwa lill-plejers nazzjonali tournament bħalma hu l-LEN Europa Cup meta fih iridu jilagħbu mal-aqwa timijiet tad-dinja fil-waterpolo u kif jara lit-tim tal-Belarus, Izzo rrisponda:

“Lil Belarus studjajnihom sew fil-partiti passati riċenti li kellhom. Li nista’ ngħid fuqhom hu li hu tim żagħżugħ u veloċi ħafna u rridu noqgħodu attenti ferm għal dan.

“Rigward il-Len Europa Cup, ma naħsibx li se taffettwa fin-negattiv lill-plejers. Anzi naħseb li rridu nilagħbu mat-tajjeb biex naraw x’għandna ħażin. Inutli nilagħbu ma’ timijiet biex nirbħu żgur. Il-LEN CUP hi l-uniku ċans ta’ kompetizzjoni tal-għola livell qabel iż-żewġ partiti tal-Belarus,” qal Karl Izzo.

Karl Izzo sejjaħ din il-lista finali ta’ plejers għal dan it-tournament: Nicholas Grixti (Sirens), Nicholas Bugelli (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Jeremy Abela (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Steven Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Ben Plumpton (San Ġiljan), Aurelien Cousin (Exiles), Zachary Mizzi (Sliema), Dino Zammit (San Ġiljan), Jake Tanti (San Ġiljan).

 

“Kieku fil-waterpolo niġu mal-Ażerbajġan, il-Gżejjer Faroe u l-Kosovo, immorru nilagħbu u nirbħu bit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena u mhux noħorġu ngħidu li polza diffiċli”Joe Caruana Curran, President, ASA

Fl-istess konferenza tal-lum, tkellem Joe Caruana Curran, President tal-ASA fejn beda biex qal li din kienet wisq probabbli l-aktar konferenza importanti li qed jindirizza fil-karriera tiegħu.

Caruana Curran qal li l-isport tal-waterpolo hu l-isport nazzjonali li jgħaqqad lill-Maltin għaliex minbarra li hu ‘team sport’, għandna livell li bħala nazzjon żgħir nistgħu nkunu kburin bih.

“Jekk nikkwalifikaw kontra l-Belarus ikun ifisser li għal darbtejn wara xulxin, Malta kkwalifikat għall-Kampjonati Ewropej tal-waterpolo. Ifisser li xi ħaġa tajba għamilna żgur,” qal Caruana Curran.

Il-President tal-ASA qal li l-Assoċjazzjoni saret taf bid-dettalji u d-dati tal-LEN CUP xi xahrejn ilu u fuq talba tal-kowċ nazzjonali dħalna flok it-Turkija li rtiraw mit-tournament.

It-tournament se jkollu 14-il pajjiż differenti u t-timijiet se jkunu maqsuma fi tliet gruppi differenti. Caruana Curran qal li l-preparazzjoni għal dan it-tournament qed tkun waħda mill-iktar impenjattiva u ġimgħatejn ilu, hu u l-kowċ nazzjonali saħansitra marru Minsk biex jaraw x’se jsib il-kontinġent malli jasal hemm għada l-Erbgħa.

“Kontra l-Belarus se jkun mument storiku ieħor għal Malta, l-isport Malti u l-waterpolo. Jekk nikkwalifikaw għal-Kampjonat Ewropew f Lulju li ġej se jkollna effett fuq il-kampjonat nazzjonali tagħna iżda l-klabbs kollha qablu li n-nazzjonal jieħu priorità u li opportunità hekk għal pajjiżna żgur li m’għandix tintilef.”

Mistoqsi minn TVM Sport fuq il-kowċ nazzjonali Karl Izzo u jekk l-ASA irċivitx xi notifika dwar is-sospensjoni tiegħu wara l-argument li qam fil-partita ta’ ħbiberija li Malta lagħbet ftit tal-ġimgħat ilu kontra l-Iran, Caruana Curran qal li kien iltaqa’ ma’ xi uffiċjali tal-FINA u qalulu li kien ġie deċiż li l-kwistjoni tgħaddi f’idejn il-Kumitat tad-Dixxipplina.

“S’issa bħala ASA ma smajna xejn. Wisq probabbli li raqdet fuq ommha u Karl se jkun kowċ nazzjonali normali fuq il-bank għall-partiti li ġejjin. M’hemmx dubju li jekk tasal xi sospensjoni, aħna se niġġildulha bil-qawwa,” qal Caruana Curran.

Joe Caruana Curran faħħar ukoll lill-Gvern b’fuq quddiemnett lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, tal-appoġġ u s-sostenn li l-ASA dejjem sabu mingħandu. Il-President tal-ASA irringrazzja wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat tal-għajnuna li se jagħti lill-ASA jekk kemm-il darba t-tim jikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew f’Barcelona f’Lulju li ġej.

“Kien se jkollna problema. Immaġinaw kieku kkwalifikajna u niġu f’pożizzjoni li ma nistgħux immorru għax m’għandnix finanzi. Kellna laqgħa mal-Prim Ministru Muscat u min-naħa tiegħu tagħna kuraġġ kbir u qalilna biex nieħdu ħsieb u nikkwalifikaw għax li hemm bżonn isir se jsir. Meta l-għola awtorità tal-pajjiż tkellmek hekk, isserraħlek rashek u tkun tista’ tikkonċentra fuq il-waterpolo biss u ta’ dan, f’ismi u f’isem l-ASA, irrid nirringrazzjah,” qal Caruan Curran.

Il-President tal-ASA irringrazzja wkoll lill-Public Broadcasting Services tas-servizz li se jkunu qed jagħti mill-Kroazja.

Joe Caruana Curran tkellem ukoll fuq il-qabża ta’ kwalità li għamel it-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo fl-aħħar snin. Qal li t-tim nazzjonali Malti jinsab mal-aqwa 20 tim fl-Ewropa u fid-dinja tar-rankings u dan jikkonferma l-livell għoli li għandha Malta f’dan l-isport.

“U dan qed nagħmluh minkejja li aħna nilagħbu mal-aqwa pajjiżi u kontra pajjiżi ferm ikbar minn Malta. Fil-waterpolo ma nħoloqx speċ ta’ kampjonat biex iġibuna nilagħbu ma’ pajjiżi tampar tagħna. Kieku fil-waterpolo niġu mal-Ażerbajġan, il-Gżejjer Faroe u l-Kosovo, immorru nilagħbu u nirbħu bit-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena u mhux noħorġu ngħidu li polza diffiċli,” temm Caruana Curran.

 

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo jinsab il-Ġermanja fejn it-Tlieta se jilgħab it-tieni logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-League Europa Cup kontra l-Ġermanja, wara t-telfa kontra r-Russja fl-ewwel logħba fil-pixxina nazzjonali. Għal din…

Waterpolo

Marsaxlokk iffirmaw barrani ġdid. Il-plejer hu Ivan Nagaev, Russu ta’ 25 sena. Nagaev kien parti mit-tim nazzjonali tar-Russja fil-Kampjonat Mondjali tal-waterpolo tal-2015.

Waterpolo

Partita waħda llum mill-World Europa League, it-tim nazzjonali Malti fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq isofri telfa ta’ 18 għal 5 kontra Russja. Is-sessjonijiet bit-tim nazzjonali Malti l-ewwel intemmu 1-2, 2-5, 2-3 u…

Waterpolo

Waterpolo: Għada t-team Nazzjonali Malti jilgħab l-ewwel logħba mit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni Grupp A tal-Europa Cup, kompetizzjoni b’format ġdid tal-Waterpolo World League organizzata mil-LEN u mill-FINA. Il-logħba ta’ għada se…

Aktar