Waterpolo: iċ-champions renjanti Ewropej Pro Recco f’Malta
Partita ta' ħbiberija ta' lussu ma' Ortigia fil-pitch tan-Neptunes

Iċ-champions Ewropej tal-waterpolo fil-livell ta’ clubs, Pro Recco ta’ Ġenova fl-Italja, għaddejin b’kamp ta’ taħriġ ta’ diversi jiem hawn Malta bħala mistednin tal-club ta’ Neptunes.

Pro Recco rebħu l-LEN Champions League għal rekord tad-disa’ darba f’Ġunju li għadda meta fil-finali għelbu lill-Ungeriżi ta’ Telekom. Għandhom ukoll ir-rekord ta’ 33 titlu tas-Serie A1 tal-waterpolo fl-Italja: għalkemm dis-sena kellhom iċedu lil Brescia wara erbatax-il suċċess konsekuttiv.

Iż-żjara tagħhom f’Malta mmaterjalizzat grazzi għall-kollaborazzjoni tal-ministeru tat-turiżmu u VisitMalta.

Il-president ta’ Pro Recco Maurizio Felugo faħħar ferm il-faċilitajiet u l-ambjent li sab Malta: u stqarr ma’ TVMSport li t-training camp f’Malta huwa ideali biex il-club jibda l-preparazzjonijiet għal staġun ieħor fejn il-miri tiegħu huma għal aktar unuri.

Fl-iskwadra ta’ Pro Recco hemm bosta players ta’ fama internazzjonali fosthom il-captain tal-Italja Pietro Figlioli, ex-player ta’ Sliema, u l-iskorer Montenegrin Aleksandar Ivovic. Bħala parti mill-kamp ta’ taħriġ Pro Recco kellhom partita ta’ ħbiberija ta’ lussu ma’ Ortigia, li huma nfishom spiċċaw fil-ħames post tal-kampjonat Taljan dis-sena, u wkoll waslu Malta biex jitħarrġu.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.