Waterpolo
Waterpolo: Jiġu fi tmiemhom il-Cross Overs

It-Tnejn filgħaxija fil-Pixxina Nazzjonali ġew fi tmiemhom il-Cross Overs tal-Kampjonat tas-Sajf 2020. Tliet logħbiet b’kollox, li tnejn minnhom irriżultaw f’rebħiet konvinċenti u logħba oħra spiċċat draw.

San Ġiljan TUM Invest 15   Birżebbuġa Malta Freeport 6

San Ġiljan għelbu lil Birżebbuġa bil-punteġġ ta’ 15-6, f’konfront li rnexxilhom jirbħu tliet sessjonijiet u oħra spiċċat draw. San Ġiljan fetħu tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni 4-0, u fit-tieni sessjoni komplew ikabbru l-vantaġġ meta rebħuha 4-1. Fit-tielet sessjoni l-Ġiljaniżi naqqsu xi ftit ir-ritmu u taw naqra nifs lil Birżebbuġa u spiċċaw 2-2, imma fir-raba’ u l-aħħar sessjoni reġgħu fetħulha u rebħuha 5-3. B’hekk l-iskor finali kien ta’ 15-6 favur San Ġiljan bl-aqwa skorer għalihom ikun Ben Plumpton li skurja 4. Dino Zammit u Andreas Galea skurjaw tlieta kull wieħed biex bejniethom skurjaw 10 gowls mill-15 ta’ San Ġiljan. Għal Birżebbuġa Simon Vassallo skurja żewġ gowls.

 

Valletta Izibet 14   Marsaxlokk Browns 3

Bħal-logħba l-oħra, Valletta kienu ħafn’aħjar mill-avversarji u rebħulhom bil-punteġġ ta’ 14-3. Valletta rebħu tliet sessjonijiet u f’oħra spiċċaw draw. L-ewwel sessjoni rebħuha l-Beltin 5-0, u fit-tieni waħda Marsaxlokk dehru li ser ilaħħqu xi ftit mal-avversarji meta spiċċaw 2-2. Biss minn hemm ‘il quddiem il-Beltin reġgħu ħadu l-kontroll tal-logħba u rebħhu ż-żewġ sessjonijiet ta’ wara 2-0 u 5-1 rispettivament. Miguel Zammit kien l-aqwa skorer għal Valletta għaliex waħdu skurja sitt gowls.

 

Otters Nivea 9   Ta’ Xbiex Aquatic Sports Club 9

F’logħba intensiva u pjuttost interessanti, Otters u Ta’ Xbiex spiċċaw b’gowls indaqs, 9-9. Kemm Otters u anke Ta’ Xbiex rebħu żewġ sessjonijiet kull wieħed biex irnexxilhom jikkanċellaw il-gowls ta’ xulxin u mas-suffara finali ma kien hemm l-ebda rebbieħ. Otters fetħu tajjeb tant li rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet 4-2 u 3-2, biex l-iskor kien 7-4. Ir-risposta ta’ Ta’ Xbiex waslet fl-aħħar żewġ sessjonijiet għaliex tefgħu kollox fuq l-attakk u rebħuhom 2-0 u 3-2 biex b’hekk skurjaw disgħa daqskemm skurjaw Otters. Luke Gialanze kien l-aqwa skorer għal Otters b’4 gowls, filwaqt li Mark Carani skurja 3 għal Ta’ Xbiex.

 

Issa l-attenzjoni ddur fuq il-Kampjonat Premier u l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni li jibdew minn għada l-Erbgħa 2 ta’ Settembru.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni – Play-offs Otters Nivea 4   Marsaxlokk Brown’s 11 Rebħa komda oħra għal Marsaxlokk kontra Otters meta rebħulhom 11-4. Ix-Xlukkajri rebħu l-erba’ sessjonijiet 2-1, 4-2, 2-1 u…

Fil-Pixxina Nazzjonali llejla jintlagħbu l-logħbiet ta’ ritorn tal-play-offs tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Fl-ewwel logħbiet bejniethom jumejn ilu, Marsaskala kienu rebħu lil Ta’ Xbiex b’gowl wieħed, filwaqt li Marsaxlokk kellhom vantaġġ komdu…

Kampjonat BOV Premier Exiles Ferretti 8   Sirens Mecca Marine Enterprises 9 Il-gowl farrad minn 17 kien biżżejjed biex Sirens għelbu lil Exiles bil-punteġġ ta’ 9-8 f’logħba kumbattuta mill-Kampjonat BOV Premier….

Aktar