Waterpolo
Waterpolo: Jittellgħu l-poloz tal-Enemed Cup 2019…San Ġiljan – Neptunes fl-ewwel ġurnata

Illum wara nofsinhar, telgħu l-poloz tal-Enemed Cup 2019 tal-waterpolo.

L-ewwel ġurnata ta’ partiti, li tkun it-2 ta’ Frar, se tlaqqa’ tnejn mill-aqwa timijiet li għandna fil-waterpolo lokali, San Ġiljan kontra Neptunes.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Pixxina Nazzjonali, f’Tal-Qroqq, Joe Caruana Curran, President tal-ASA, qal li minkejja li l-Assoċjazzjoni hi waħda pjuttost żgħira, il-kompetizzjonijiet li għandha huma kbar li jimlew sew il-kalendarju annwali.

Caruana Curran faħħar lill-kumpanija Enemed u lil Kevin Chircop tas-sostenn u l-għajnuna kontinwa li qegħdin dejjem jagħtu lil-logħba lokali.

Il-President tal-ASA qal li l-Assoċjazzjoni tibqa’ tikkonċentra l-aktar fuq il-kampjonat tas-sajf li hu l-aktar wieħed ta’ prestiġġju fil-waterpolo lokali iżda fakkar li l-kumplament tal-kompetizzjonijiet ta’ matul l-istaġun huma kollha importanti biex ikomplu jgħollu l-livell lokali.

Caruana Curran qal li f’din il-kompetizzjoni Enemed se jipparteċipaw seba’ timijiet u li l-kumplament iddeċidew li jirtiraw minnha minħabba raġunijiet tagħhom. Caruana Curran qal li jirrispetta d-deċiżjoni tal-klabbs lokali kollha.

Joe Caruana Curran qal li l-fatt li minn din is-sena se jkunu jistgħu jilagħbu żewġ barranin f’din il-kompetizzjoni, hu ta’ awgurju tajjeb. Hu kompla qal li dan se jkun qed isir għal ħames snin li ġejjin. Caruana Curran faħħar lill-klabbs lokali li baqgħu jġibu fost l-aqwa barranin li hawn f’pajjiżna.

Mistoqsi minn TVM Sport fuq il-livell tal-waterpolo lokali li jaħseb li se jkun hawn f’dan l-istaġun, Caruana Curran qal li konvint li dan se jkun għoli bħal dejjem u possibbilment aħjar minn dak li qatt kellna.

Il-President tal-ASA tkellem dwar ir-regoli ġodda li daħlu fil-logħba tal-waterpolo u li ġew imposti mill-FINA. Caruana Curran qal li f’Malta, il-Kampjonat tax-Xitwa u tas-Sajf li ġejjin se jkunu qed jintlagħbu bir-regolamenti l-antiki u dan minħabba l-fatt li għad m’hemmx deċiżjoni uffiċjali fuqhom kollha. Caruana Curran ikkonferma li l-FINA ddeċidiet li ddaħħal dawn ir-regolamenti fl-ewwel jiem ta’ Frar li ġej.

Kevin Chircop, f’isem l-Enemed, qal li bejn iż-żewġ partijiet, ir-relazzjoni bdiet tliet snin ilu u s’issa kienet esperjenza sabiħa għax kien hemm titjieb sostanzjali fil-waterpolo lokali.

Chircop qal li r-relazzjoni bejn l-Enemed u u l-ASA hi waħda ta’ djalogu miftuħ bejn xulxin. Chircop qal li jemm li f’Malta hawn potenzjal kbir fil-plejers tal-waterpolo u li kollox jorbot mal-‘commitment’ u l-passjoni tal-plejers.

Intant il-poloz tal-ewwel tliet partiti tal-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni Enemed 2019 huma dawn:

San Ġiljan Tum Invest vs Neptunes Leo Vegas

Sirens Green Tube vs Valletta Videoslots

Sliema Frank Salt Real Estate vs B’buġa Freeport

Exiles Elia Caterers – ma jilgħabux fl-ewwel ġurnata.

Il-partiti tal-ewwel ġurnata jintlagħbu fit-15.00, fl-16.15 u fil-17.30 u l-ordni tal-partiti jinħarġu mill-ASA fil-jiem li ġejjin.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport