Waterpolo
Waterpolo – Magħżul it-tim nazzjonali tal-U15 li ser jieħu sehem fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku ħabbret l-għażla finali tat-tim li ser jirrappreżenta lil Malta fil-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni ta’ Grupp Ċ għall-Kampjonati Ewropej tal-Irġiel taħt il-15-il sena tal-Waterpolo.

Il-Kampjonati ser jinżammu taħt l-awspiċi tal-Ligue Européenne de Natation (LEN) u li kienu ġew posposti minn Marzu minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Il-kowċ tat-tim Nazzjonali U15, Anthony Farrugia, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-preparazzjoni tat-tim. Farrugia esprima l-gratitudni tiegħu lejn l-ASA, Sport Malta, il-Ministeru tas-Saħħa u d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u faħħar il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet sabiex jiġi żgurat li t-tim ikun ippreparat mill-aħjar minkejja ċ-ċirkostanzi attwali.

Iż-żgħażagħ Maltin ser jikkompetu f’Loule, il-Portugall, bejn l-4 u l-11 ta’ Lulju li ġej. Biex Malta tgħaddi għall-finali, iż-żgħażagħ Maltin iridu jirbħu mill-inqas logħba waħda. Madankollu, in-numru ta’ gowls huwa importanti wkoll, dan minħabba li d-differenza fil-gowls tiġi meqjusa fir-riżultati wara li jsiru l-logħbiet kollha.

Il-logħob kollu ser jintlagħab bil-bibien magħluqa, imma wieħed jista’ jsegwi permezz tal-YouTube Channel tal-ASA. Il-logħbiet tat-tim nazzjonali Malti huma dawn:

Il-Ġimgħa 28 ta’ Mejju:  Malta – Slovenja (18:30)
Is-Sibt 29 ta’ Mejju:  Slovenja – Franza (18:30)
Il-Ħadd 30 ta’ Mejju:  Malta – Franza (10:30)

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA