Waterpolo
Waterpolo: Marsaskala jirbħu l-ewwel logħba tas-semifinali tal-play-offs

Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni Play-offs

L-Ewwel Logħba – Semifinali

Fl-ewwel logħba mis-semifinali tal-play-offs tal-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, Marsaskala Fish n Fish għelbu lil Marsaxlokk Browns 10-4. Marsaskala kienu aħjar mill-avversarji kważi matul il-logħba kollha tant li rebħu tliet sessjonijiet u f’oħra kienu miżmuma draw. L-Iskalin fetħu tajjeb u l-ewwel sessjoni rebħuha 2-1 u fit-tieni waħda żiedu l-vantaġġ meta rebħuha 2-0 u l-iskor sar 4-1. Fit-tielet sessjoni l-Ixlukkajri rnexxilhom ilaħħqu xi ftit mas-saħħa tal-avversarji u żammewhom fi draw ta’ 2-2 imma fir-raba’ u l-aħħar sessjoni Marsaskala reġgħu fl-aqwa tagħhom u rebħuha 4-1, għal skor finali ta’ 10-4.

Għal Marsaskala Jean Claude Cutajar u Luca Felice skurjaw tlieta kull wieħed biex kienu l-aqwa skorers tat-tim tagħhom, filwaqt li l-gowls ta’ Marsaxlokk waslu kollha minn plejers differenti.

Dawn iż-żewġ timijiet issa fadlilhom jiltaqgħu darbtejn oħra fis-semifinali tal-play-offs, is-Sibt 26 fil-17:00 u t-Tnejn 28 ta’ Settembru fis-18:15.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA