Waterpolo
Waterpolo: Marsaxlokk jirbħu lil Otters, San Ġiljan u Exiles jispiċċaw draw

Round Preliminari Grupp A

Otters Nivea 16  Marsaxlokk Browns 18

Marsaxlokk żammew sod biex għelbu lil Otters bl-iskor ta’ 18-16, f’logħba li produċiet 34 gowl f’erba’ sessjonijiet. Marsaxlokk rebħu l-ewwel sessjoni 4-3, bl-Otters jirrispondu fit-tieni waħda u jirbħuha bi skor identiku għall-ewwel waħda. Fit-tielet sessjoni Marsaxlokk ħarbu bil-vantaġġ meta rebħuha 8-2 u sa dak il-ħin ir-riżultat kien 15-9 favurihom. Fir-raba’ u l-aħħar sessjoni, reazzjoni qawwija mill-Otters li rebħuha 7-3 imma ma kellhomx vantaġġ biżżejjed tant li tilfu l-logħba 18-16.

L-aqwa skorer għal Marsaxlokk kien Ivan Nagaev li waħdu skorja 10 mit-18-il gowl li skurjaw ix-Xlukkajri fil-logħba kollha, filwaqt li għal Otters, Edward Meli, Aleandro Mifsud u Milos Filipovic skurjaw 4 kull wieħed.

Round Preliminari Grupp B

San Ġiljan Tum Invest 12  Exiles Elia Caterers 12

F’logħba sabiħa li fiha nqasmu 24 gowl, San Ġiljan u l-Exiles spiċċaw draw wara erba’ sessjonijiet. L-ewwel sessjoni kienet mirbuħa minn San Ġiljan 4-2, bl-Exiles jirrispondu fit-tieni sessjoni u jirbħuha 3-1. San Ġiljan rebħu t-tielet sessjoni bl-iskor identiku tal-ewwel waħda, sakemm fir-raba’ u l-aħħar sessjoni Exiles kienu aħjar u rebħu 5-3, għal skor finali ta’ 12-12. Niksa Dobud kien l-aħjar skorer għal San Ġiljan b’4 gowls, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra Milos Vukicevic skorja sitta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA