Waterpolo
Waterpolo: Neptunes jegħlbu lil Sliema, Marsaskala u Marsaxlokk jirbħu fl-Ewwel Diviżjoni

Kampjonat Premier

Neptunes WPSC 14   Sliema Frank Salt Real Estate 8

Neptunes bdew tajjeb fl-ewwel logħba tal-Kampjonat Premier meta għelbu lil Sliema bil-punteġġ ta’ 14-8. Huma rebħu l-ewwel tliet sessjonijiet imbagħad battew xi ftit fir-raba’ u l-aħħar sessjoni. L-ewwel żewġ sessjonijiet rebħuhom 3-2 u s’hemmhekk Sliema kienu għadhom fil-logħba, biss it-tielet sessjoni kienet id-daqqa ta’ ħarta għas-Slimiżi għax tilfuha 5-0. B’dak il-vantaġġ komdu n-Neptunes setgħu jirrilassaw xi ftit għall-aħħar sessjoni tant li tilfuha 4-3 imma dan m’affettwax ir-riżultat finali għax rebħu 14-8.

Steven Camilleri kien l-aqwa skorer ta’ Neptunes għax skurja 5, filwaqt li għal Sliema skorja tlieta Michael Spiteri Staines.

 

Illejla tintlagħab logħba waħda mill-Kampjonat Premier meta fis-18:15, Birżebbuġa Malta Freeport jilagħbu kontra Sirens Mecca Marine Enterprises.

 

Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

Marsaskala Fish n Fish 10   Otters Nivea 9

Gowl wieħed kien id-differenza bejn Marsaskala u Otters, b’tal-ewwel joħorġu rebbieħa 10-9. Marsaskala bdew tajjeb ħafna tant li l-ewwel sessjoni rebħuha 5-2, biss tilfu ż-żewġ sessjonijiet ta’ wara 3-2. B’hekk l-Iskalin il-vantaġġ tagħhom tnaqqar għal gowl wieħed biss u fl-aħħar sessjoni kellhom iżommu iebes biex spiċċaw 1-1 u b’hekk l-iskor finali kien ta’ 10-9.

Kyle Navarro kien l-aħjar skorer għal Marsaskala bi tliet gowls filwaqt li għal Otters Luke Gialanze skorja 4.

 

Marsaxlokk Browns 11   Ta’ Xbiex ASC 8

Rebħa pjuttost konvinċenti għal Marsaxlokk li fl-ewwel logħba tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni għelbu lil Ta’ Xbiex 11-8. Kienu Ta’ Xbiex li rebħu l-ewwel sessjoni 1-0, u sat-tieni sessjoni kienu għadhom fil-vantaġġ għaliex dik intemmet 3-3. Marsaxlokk dawru l-logħba fit-tielet sessjoni meta rebħuha 3-1 u b’hekk marru huma fil-vantaġġ, bir-raba’ sessjoni jirbħuha 5-3.

L-aħjar skorer għal Marsaxlokk kien Timothy Agius li skorja ħames gowls filwaqt li Raoul Greco u Mark Carani skurjaw tnejn kull wieħed għal Ta’ Xbiex.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni – Play-offs Otters Nivea 4   Marsaxlokk Brown’s 11 Rebħa komda oħra għal Marsaxlokk kontra Otters meta rebħulhom 11-4. Ix-Xlukkajri rebħu l-erba’ sessjonijiet 2-1, 4-2, 2-1 u…

Fil-Pixxina Nazzjonali llejla jintlagħbu l-logħbiet ta’ ritorn tal-play-offs tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Fl-ewwel logħbiet bejniethom jumejn ilu, Marsaskala kienu rebħu lil Ta’ Xbiex b’gowl wieħed, filwaqt li Marsaxlokk kellhom vantaġġ komdu…

Kampjonat BOV Premier Exiles Ferretti 8   Sirens Mecca Marine Enterprises 9 Il-gowl farrad minn 17 kien biżżejjed biex Sirens għelbu lil Exiles bil-punteġġ ta’ 9-8 f’logħba kumbattuta mill-Kampjonat BOV Premier….

Aktar