Waterpolo
Waterpolo: Parzjalment milqugħa t-talba ta’ Neptunes. Il-plejers kollha negattivi għall-ewwel test waqt il-kwarantina

It-talba li għamlu l-Club ta’ Neptunes sabiex l-ewwel logħba minn tlieta tal-playoff finali tal-kampjonat BOV Premier 2020 tkun posposta għal xi jiem ġiet parzjalment milqugħa mill-ASA.

Wara li plejer ta’ Neptunes kien instab pożittiv wara s-semi finali kontra Sliema, l-ASA kienet ipposponiet l-ewwel logħba minn tlieta għas-6 ta’ Ottubru li kien eżatt jumejn wara li jintemm il-perjodu ta’ kwarantina tal-plejers ta’ Neptunes. Il-President ta’ Neptunes Matthew Bonello f’laqgħa tal-Presidenti tal-Clubs mal-ASA ftit tal-jiem ilu kien argumenta li ma jistax ikun li t-team tiegħu jilgħab l-ewwel finali jumenjn biss wara li tiskadi l-kwarantina.

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalu lil TVM Sport li hu kien talab estensjoni ta’ ġimgħa. It-talba tiegħu ma ġietx aċċetata kif ressaqha hu, iżda kien hemm kompromess u għaldaqstant it-talba ta’ Neptunes ġiet parzjalment milqugħa għaliex issa l-ASA ħabbret li l-ewwel minn sensiela ta’ massimu ta’ tliet logħbiet finali playoff se tintlgħab fit-8 ta’ Ottubru jiġifieri l-plejers ta’ Neptunes se jkollhom ċans jittrenjaw tal-inqas erbat ijiem qabel l-ewwel logħba.

Meta TVM Sport bagħat mistoqsijiet lill-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni fi ħdan l-Awtorita’ tas-Saħħa dwar it-tip ta’ kwarantina li qed jagħmlu l-plejers ta’ Neptunes u jekk dawn jistgħux tal-inqas jittrenjaw individwalment ma ingħatajna ebda risposta jew informazzjoni. TVM Sport hu informat minn terzi persuni li l-kwarantina ta’ Neptunes hi waħda obligatorja u qed issir b’riġidita’ kbira fejn ħadd mhu qed jitħalla jittrenja jew joħroġ mir-residenza fejn jinsab. Intant TVM Sport jinsab infurmat li l-ewwel ‘swab test’ li sar fuq il-kumplament tal-plejers ftit tal-jiem ilu rriżulta f’wieħed negattiv għall-plejers kollha. Il-plejers ta’ Neptunes se jergġgħu jagħmlu t-tieni test nhar il-Ħadd f’wieħed mit-Testing centres f’Malta.

Hu fatt li San Ġiljan se jibdew bħala favoriti li jirbħu l-ewwel logħba tal-finali hekk kif huma baqgħu jittrenjaw kontra l-waqfien sfurzat ta’ Neptunes. Neptunes għal-logħbiet tal-finali mhux se jkollhom jilgħab lill-plejer li oriġinalment kien pożittiv għall-COVID-19 għaliex jinsab sospiż mill-Club wara investigazzjoni interna ta’ kif ġraw il-fatti qabel il-famuża logħba kontra Sliema li fiha l-plejer kien saħansitra lagħab u skorja.

F’deċiżjonijiet oħra li ttieħdu u ġew konfermati mill-ASA hemm li jekk il-Kampjonat Premier u anke dak tal-ewwel Diviżjoni jitwaqqaf għal xi raġuni oħra relatata mal-COVID-19 it-team li kien l-ewwel fil-klassifika qabel il-playoffs jiġi aġġudikat il-kampjonat, fil-każ tal-kampjonat Prrmier ikunu San Ġiljan li eventwalment jkunu dikjarati Champions.

Ara wkoll:

Waterpolo: Plejer ta’ Neptunes li lagħab il-bieraħ fis-semi finali pożittiv għall-COVID-19

 

Miktub minn...
TVM Sport
.