Waterpolo
Waterpolo: Sliema, Marsaxlokk u Neptunes b’rebħiet fir-round preliminari

Round Preliminari – Grupp A

Sliema Frank Salt 14 Exiles Elia Caterers 7

Rebħa komda għas-Sliema kontra l-Exiles bl-iskor ta’ 14-7, fejn wara li l-Exiles rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet, Sliema ġew f’tagħhom fit-tnejn ta’ wara u dawru ll-logħba ta’ taħt fuq. L-ewwel sessjoni spiċċat 3-2 u t-tieni waħda 3-1, dejjem favur l-Exiles, sakemm Sliema dawru l-logħba fit-tielet sessjoni meta rebħuha 6-0, u r-raba’ waħda rebħuha 5-1 għal skor finali ta’ 14-7. Jerome Gabarretta, Gavril Subotic u Norbert Hoznyansky kienu l-aqwa skorers għas-Sliema bi 3 gowls kull wieħed, filwaqt li Marko Jelaca skorja tliet gowls għall-Exiles.

Round Preliminari – Grupp B

Marsaxlokk Browns 21 Valletta Videoslots 16

Marsaxlokk Browns għelbu lil Valletta Videoslots 21-16, f’logħba li kienet missielta u mimlija gowls. L-ewwel sessjoni spiċċat 4-4, b’Marsaxlokk jirbħu t-tieni sessjoni 7-5. It-tielet sessjoni reġgħet kienet mirbuħa mix-Xlukkajri 6-3, bl-aħħar sessjoni terġa’ tispiċċa draw ta’ 4-4. Ivan Nagaev kien bla dubju l-aħjar plejer għal Marsaxlokk meta waħdu skorja 13 mill-21 gowl li skurjaw, filwaqt li għal Valletta Dmitri Kholod kien l-aqwa skorer b’sitt gowls.

Neptunes Leo Vegas 21 Ta’ Xbiex Amigos 4

Neptunes Leo Vegas ġabu fix-xejn lil Ta’ Xbiex Amigos meta rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 21-4. In-Neptunes rebħu s-sessjonijiet kollha, 7-0, 3-1, 5-3, 6-0. Steven Camilleri kien l-aqwa skorer għan-Neptunes b’9 gowls, u għal Ta’ Xbiex, Nenad Kacar skorja tlieta minn erbgħa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA