Wayne Rooney jista jirkupra għal-logħba kontra Bayern Munich

Aħbarijiet pożittivi għal Manchester United hekk kif bdew il-preparamenti għal-logħba mistennija ta’ nhar l-Erbgħa mill-UEFA Champions League kontra Bayern Munich.

Bħalissa l-United qed jilgħabu l-aħjar futbol tal-istaġun, u l-aħħar riżultati fosthom id-draw ta’ 1-1 fl-ewwel leg tal-UEFA Champions League maċ-ċampjins Ġermaniżi, u TMIEN GOWLS skurjati fl-aħħar żewġ logħbiet tal-Barclays Premier League kontra Aston Villa u Newcastle United, qed iqawwu qalb il-partitarji tar-Red Devils li minkejja l-missjoni impossibli, ottimisti li joħorgu b’riżultat tajjeb mill-partita ta’ nhar l-Erbgħa fl-Allianz Arena, li jista jfisser kwalifikazzjoni għas-semi finali tal-iktar kompetizzjoni prestiġġjuża fl-Ewropa.

Biex it-tama tkompli tikber għal Manchester United, dal-għodu ħarġet l-aħbar li l-istilla tat-tim, l-attakant Wayne Rooney, jista wara kollox ikun f’sikktu, u dan wara li l-istess Rooney kien weġġa fl-ewwel logħba kontra Bayern f’Old Trafford nhar it-Tlieta, u ftit kien hemm tama li jilħaq jirkupra.

Fi tmiem il-ġimgħa, Rooney għamel ħafna għawm bil-għan li jkun f’sikktu sa nhar l-Erbgħa.

Wieħed jifhem li r-Red Devils diġa mingħajr l-Olandiż Robin Van Persie li fadallu madwar tliet ġimgħat barra, tkun diffiċli ferm għalihom nhar l-Erbgħa jekk anke Rooney jkun nieqes fl-iktar logħba importanti tal-istaġun.

Wayne Rooney qed ikollu staġun mill-aqwa ma’ Manchester United fejn diġa skorja 17-il gowl.

Il-logħba mistennija Bayern Munich – Manchester United nhar l-Erbgħa ser tixxandar LIVE fuq TVM2 fid-8.45pm b’kummentarju ta’ Rodney Vassallo u Stephen Azzopardi.

Miktub minn...
Rodney Vassallo