Ċikliżmu
Wout van Aert jirbaħ l-10 stadju tat-Tour de France

Iċ-champion renjanti tat-Tour de France Geraint Thomas kellu 10 stadju mill-aqwa meta rnexxielu jiggwadanja ħafna ħin fuq il-kompetituri tiegħu wara li r-riħ kellu sehem importanti fuq ir-riżultat finali ta’ dan l-istadju.

Kien fadal 35 kilometru għat-tmiem minn distanza totali ta’ 217.5 kilometri meta minħabba r-riħ qawwi, il-peloton spiċċa nqasam min-nofs, b’Thomas jirnexxielu jibqa’ mal-ewwel grupp filwaqt li l-Franċiż Thibaut Pinot, id-Daniż Jakob Fugslang, il-Kolombjan Rigoberto Uran u l-Awstraljan Richie Porte spiċċaw fuq in-naħa l-oħra u nqatgħu mal-minuta u 39 sekonda minn ta’ qabilhom.

Il-Belġjan Wout van Aert rebaħ l-istadju wara sfida fl-isprint finali ma’ Geraint Thomas, filwaqt li l-Franċiż Julian Alaphilippe baqa’ jżomm il-flokk l-isfar wara dan l-istadju. Wara dan l-istadju, Thomas jinsab biss minuta u tnax-il sekonda wara Alaphilippe u jinsab fit-tieni post tal-klassifika.

Illum hija ġurnata ta’ mistrieħ għaċ-ċiklisti tat-Tour de France, bil-kompetizzjoni tkompi għada.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Ċikliżmu

Iċ-ċiklisti ta’ Lotto-Soudal attendew għall-funeral ta’ seħibhom Bjorg Lambrecht ġimgħa wara l-mewt tiegħu fit-Tour tal-Polonja. Lambecht ta’ 22 sena miet wara inċident fit-tielet stadju tat-tour. Kienu sħabu ċ-ċiklisti stess li…

Aktar