Olimpijadi TOKYO 2020
Xita qliel fil-vjaġġ tat-torċa olimpika fir-reġjun ta’ Kagawa

It-torċa olimpika kompliet il-vjaġġ tagħha fit-12-il reġjun minn 47 li trid tgħaddi minnhom qabel il-bidu tal-Logħob Olimpiku f’Lulju li ġej. Matul il-ġurnata tas-Sibt waslet fir-reġjun ta’ Kagawa, fejn għandek hemmhekk s’għada. It-torċa olimpika bdiet mill-belt t’Utazu u baqgħet sejra sal-belt ta’ Kanonji.

Għalkemm f’xita qliel, l-ispettaturi xorta waħda ħarġu fit-toroq jassistu l-vjaġġ tat-torċa olimpika. Matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, il-Kumitat Organizzativ ħabbar li l-vjaġġ tat-torċa olimpika fil-Gżira t’Okinawa jista’ jsir mingħajr spettaturi kif sar fir-reġjun t’Osaka, minħabba li żdiedu l-każijiet ta’ Covid-19 f’din il-gżira. It-torċa mistennija tasal fil-gżira t’Okinawa fl-ewwel jiem ta’ Mejju.

Matul il-ġurnata tal-Ħadd, it-torċa olimpika mistennija tgħaddi mill-belt ta’ Sakaide u tibqa’ sejra sal-belt ta’ Takamatsu, minn fejn imbagħad timxi għat-tlettax-il reġjun fil-lista.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA