Futbol lokali
Żejtun u Tarxien jiktbu lill-MFA u jgħidu li r-regolamenti jistipulaw li l-Premier irid ikun b’14-il tim; Lija jiktbu wkoll

Il-clubs ta’ Żejtun Corinthians u Tarxien Rainbows sadanittant qed isostnu li r-regolamenti tal-MFA jiddettaw li l-Kampjonat Premier għandu jkollu erbatax-il team u għaldaqstant huma m’għandhomx jiġu relegati billi spiċċaw fit-13 u l-14-il post tal-klassifika rispettivament.

F’ittra mibgħuta lis-segretarju ġenerali tal-assoċjazzjoni, iż-żewġ clubs qed jitolbu lill-assoċjazzjoni ssegwi regoli tagħha.

U l-club ta’ Lija Athletic qed isostni li l-emenda introdotta għar-regolamenti tal-MFA is-sajf li għadda ma tistax tiġi infurzata ġaladarba l-kompożizzjoni tal-Kampjonat Premier tiddependi minn dak li jiġri fiċ-Challenge League.

Il-club qal li fi stqarrija uffiċjali li l-istruttura tal-kampjonat Premier tirrikjedi li tintlagħab playoff bejn it-team li jispiċċa l-ħames mill-aħħar fil-Premier u t-team li jispiċċa t-tielet fiċ-Challenge: iżda biċ-Challenge League abbandunat din issa ma tistax issir.

Skont il-club, mhuwiex aċċettabbli, la minn perspettiva ta’ ugwaljanza u lanqas legali li parti mill-emenda tkun infurzata u parti le.

Lija Athletic qed jgħidu li ż-żewġ kampjonati għandhom jew jitkomplew it-tnejn f’data aktar ‘il quddiem, jew jiġu dikjarati abbandunati it-tnejn, bla ma jkollhom konsegwenzi inġusti.

Miktub minn...
TVM Sport