Olimpijadi TOKYO 2020
Żelqa fil-kamra tal-banju tiswih l-Olimpjadi

L-Awstraljan Aron Baynes kellu jirtira mill-Olimpjadi ta’ Tokjo wara li żelaq fil-kamra tal-banju. Baynes kien parti mit-tim Awstraljan tal-Basketball, fejn fil-logħba kontra l-Italja kien providenzjali meta għamel 14-il punt fi ftit aktar minn 14-il minuta għal pajjiżu. L-Awstralja rebħet il-logħba kontra l-Italja 86-83 u f’dan il-konfront Baynes weġġa’ ftit għonqu.

Biex tgħaxxaqha, ftit sigħat wara l-logħba, waqt li kien fil-kamra tiegħu, Baynes żelaq fil-kamra tal-banju u spiċċa aggrava l-uġiegħ li kellu f’għonqu u saħansitra kellu jittieħed fi sptar f’Tokjo għal aktar osservazzjoni.

Skont il-Kap tal-Kumitat Olimpiku Awstraljan Ian Chesterman, Aron Baynes għandu bżonn ftit ġimgħat mhux ħażin biex jirkupra. Din hija daqqa ta’ ħarta kbira għall-Awstralja, li bħalissa tinsab fil-quċċata ta’ Grupp B, b’żewġ rebħiet minn żewġ logħbiet. L-Awstralja qed tittama li għall-ewwel darba fl-istorja, tirbaħ midalja f’din id-dixxiplina. Fl-aħħar logħba tal-grupp l-Awstraljani ser jaffaċċjaw lill-Ġermaniżi b’ċans tajjeb li jagħmluha għas-semifinali.

S’issa, l-Awstralja spiċċat ir-raba’ f’erba’ edizzjonijiet tal-Olimpjadi differenti, u saħansitra anke fit-Tazza tad-Dinja tal-Basketball tal-2019 spiċċat fir-raba’ post.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA